It-team nazzjonali malti tal-irġiel tal-Basketball kiseb it-tieni rebħa fil-kampjonat għall-pajjiżi ż-Żgħar li qed isir f’Ta’ Qali. Dan hekk kif il-Ħamis għeleb lil Andorra bl-iskor ta’ 72 għal 70.
Kif jixhed ir-riżultat kienet logħba missielta,bil-maltin joħorġu rebbieħa b’mod drammatiku lejn l-aħħar grazzi għal three pointer ta’ Tevin Falzon fl-aħħar sekonda tal-logħba. B’din ir-rebħa t-team malti avvanza għas-semifinali.
Andorra rebħu l-ewwel sessjoni 22 għal 13. It-tieni sessjoni kienet bilanċ assolut biż-żewġ timijiet jispiċċawha fi draw ta’ 15 għal 15. Reazzjoni maltija fit-tielet sessjoni hekk kif ħarġu rebbieħa 26 għal 18. Kumbattuta u bilanċjata wkoll l-aħħar sessjoni u hekk kif deher li Andorra kienu se jirbħu l-konfront, bl-iskor ta’ 70 għal 69 favur l-avversarji, fl-aħħar sekonda kien Tevin Falzon li bi three pointer qaleb ir-riżultat ta’ taħt fuq u tefa’ lill-plejers u l-pubbliku malti f’dellirju ta’ ferħ.
L-aħjra skorer għal Malta kien Samuel Deguara b’25 punt, segwiet minn David Buġeja bi 17-il punt.