Għall-Kampjonat tad-Dinja U21 tal-Bowling ta’ dis-sena, l-assoċjazzjoni maltija Ten Pin Bowling għażlet lill-aqwa 4 żgħażagħ irġiel fil-pajjiż sabiex jirrappreżentaw lil Malta f’Helsingborg l-iSvezja. Team Malta kien jikkonsisti minn Kayden Laganà (14), Matthew Magro (20), Miguel Xuereb (20), u Nicholas Muscat (17).
Għal kull kategorija (singles, doubles u tim), l-atleti kellhom jilgħabu serje ta’ logħbiet sabiex jippruvaw jikkwalifikaw għall-istadji finali; l-aqwa plejers wara sitt logħbiet għas-singles u doubles, u wara għaxar logħbiet bħala tim kollettiv.
Minkejja wirjiet b’saħħithom fis-singles u d-doubles, iż-żgħażagħ Maltin irnexxielhom jikkwalifikaw għall-fażi finali fl-avveniment tat-tim. Huma kkwalifikaw fid-disa’ post fost l-aqwa 16 wara li lagħbu medja ta’ 214.30 fuq 10 logħbiet. L-aqwa 16 imbagħad kienu maqsumin f’żewġ gruppi fejn permezz ta’ format mibnija fuq matchplay, l-aqwa żewġ timijiet nazzjonali minn kull grupp għaddew għas-semi finali. Kayden Laganà kien l-eqreb mill-Maltin minn kwalifikazzjoni lejn il-fażi finali tas-Singles, però, ma rnexxielux għal 5 pins.
Team Malta rebaħ 3/7 logħbiet diretti iżda dan ma kienx biżżejjed biex jilgħabu għall-midalja. Waqt dan il-matchplay, il-Maltin irnexxielhom jegħlbu l-iskwadri nazzjonali tal-Ingilterra, tal-Korea, u tal-favoriti lokali tal-Isvezja. Dawn it-tliet timijiet nazzjonali kienu kollha kkwalifikaw fost l-aqwa ħames pajjiżi, iżda dawn it-telfiet kontra l-Maltin waqfithom milli jilgħabu għal midalja.
Waqt iċ-ċerimonja tal-premijiet, iż-żgħażugħ Malti Matthew Magro ġie vvutat bħala l-isportiv ta’ dawn il-kampjonati prestiġjużi. Magro kien ippremjat b’dan il-premju individwu għall-karattru u attitudni li wera waqt dan il-logħob.