It-tennisti Francesca Curmi u Elaine Genovese għaddew għall-finali tad-doppji waqt il-logħob tal-Mediterran li għaddej f’Oran l-Alġerija. Dan hekk fis-semifinali il-koppja maltija għelbet lill-koppja ikkwotata taljana Nuria Brancaccio u Aurora Zantedeschi bi skor ta’ 2-1.
Kienet semifinali drammatika bil-maltin jitilfu l-ewwel set 6-3. Curmi u Genovese wettqu reazzjoni fit-tieni set fejn minn żvantagg ta’ 6-5 ħarġu rebbieħa 7-6 biex ħadu l-logħba għat-tielet set.
Is-set deċiżiv kien wieħed kumbattut bil-maltin jirnexielhom jirbħuħ 11-9, fejn saħansitra salvaw ħames match points.
B’hekk Francesca Curmi u Elaine Genovese qatgħu passaġġ għall-finali tal-Ħamis kontra l-koppja spanjola Jessica Bouzas Maneiro & Guiomar Maristany Zuleta.