Meta llum kompla l-Logħob tal-Mediterran f’Oran l-Alġerija, it-tiratur malti Marlon Attard naqas li jikkwalifika bi ftit għall-finali tal-kompetizzjoni Skeet.
Attard kien beda l-ġurnata fl-ewwel post ta’ din il-kompetizzjoni flimkien mal-franċiż Emmanuel Stephane Petit u l-grieg Charalampos Chalkiadakis, kollha b’total ta’ 74 plattina.
Huwa kien fost 18 -il parteċipant li kellhom jisparaw fuq 50 plattina oħra, bl-aħjar tmienj jgħaddu għas-semifinali. Hawnhekk Attard falla biss żewġ plattini biex tella’ total ta’ 122 minn 125 u għadda għas-semifinali.
Fis-semifinali it-tmien tiraturi kwalifikati ġew maqsuma f’żewġ gruppi, bl-aħjar tnejn minn kull grupp jgħaddu għall-finali. Hawnhekk Marlon Attard falla li jiġi mal-ewwel tnejn mill-grupp tiegħu u b’hekk safa’ eliminat.
Biss Attard xorta waħda ħareġ bl-unuri meta kien qed jitqies bħala l-‘outsider’ tal-kompetizzjoni kontra tiraturi aktar ikkwotati u b’aktar esperjenza.
Tiratur ieħor li kien qed jieħu sehem fl-istess kompetizzjoni Skeet kien Marcello Attard li temm l-impenji tiegħu fit-12-il post b’total ta’ 118 -il punt.