Reġa’ ġie mniedi l-fond Pathfinder.
Fond ta’ mitt elf ewro li ġie stabbilit bil-għan li jagħti daqqa t’id lil studenti tal-informatika sabiex ikomplu bl-istudji tagħhom.
Dan il-fond mistenni jagħti aktar appoġġ lir-riċerka fix-Xjenza u t-teknoloġiji innovattivi filwaqt li jnaqqas l-iżbilanċ fil-ħiliet fis-setturi ekonomiċi u teknoloġiċi f’pajjiżna.
Is-sena l-oħra biss, kien hemm tlettax-il student li bbenefikaw minn din l-iskema. Numru minnhom għamlu l-istudji tagħhom barra minn Malta, inkluż fl-Istati Uniti.
Kenneth Brincat qal, “Dan l-ischolarship huwa intiż biex jgħin lill-istudenti, dawk li qegħdin jistudjaw il-masters, kif ukoll il-PhD fl-intelliġenza artifiċjali u din is-sena wkoll qed inżidu s-settur tal-information security.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ħeġġeġ lill-istudenti tal-informatika sabiex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom li kull ma jmur qed isiru aktar importanti fid-dinja tax-xogħol.
Schembri stqarr, “F’pajjiżna għandna ftit aktar minn terz, 40% tista’ tgħid li għandhom livell iktar minn bażiku fejn tidħol l-ICT però mbagħad fejn jidħol il-livell avvanzat ta’ ICT, għandna ftit anqas minn 5%. Il-Pathfinder qiegħed hemmhekk sabiex jassisti li iktar żgħażagħ, iktar nies jidħlu f’din il-faxxa ta’ livell avvanzat.”
Kull applikant jista’ jgawdi minn massimu ta’ €10,000 tul il-kors kollu.