Il-Ministri tal-Ambjent u l-Enerġija minn madwar is-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea qablu li jwaqqfu l-bejgħ tal-vetturi li jaħdmu b’magni tradizzjonali u li jniġġsu fl-Ewropa, sal-2035.
Dan tħabbar l-Erbgħa filgħodu wara negozjati twal ta’ madwar 16-il siegħa waqt il-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu dwar il-pakkett ‘Fit for 55’ li jindirizza t-tibdil fil-klima.
Hawnhekk kif ġie spjegat li mill-2035 is-suq Ewropew irid jara li vetturi ġodda jnaqqsu l-emmissjonijiet tad-dijossidju tal-Karbonju jew CO2 b’100%. B’hekk mhux se jkunu qed jitwaqqaf il-bejgħ ta’ karozzi li jaħdmu bid-diesel jew bil-petrol.
Twaqqfu wkoll miri intermedjarji biex l-istess emmissjonijiet jonqsu b’55% f’dawk li għandhom x’jaqsmu karozzi, u b’50% għal vannijiet.
Dan il-pjan mistenni jkompli jgħin sabiex tintlaħaq il-mira ewlenija fil-kontinent Ewropew biex sal-2050, dan isir newtrali milll-karbonju.
Fost dawk li opponew il-miri ambjentali b’rabta mal-bejgħ tal-karozzi li jniġġsu kien hemm l-Italja, il-Portugal, l-Islovakkja, il-Bulgarija u r-Rumanija hekk kif riedu li l-mira tat-twaqqif tal-bejgħ tal-karozzi li jniġġsu tkun sal-2040 minflok fl-2035.
Malta laqgħet l-eżitu ta’ dan il-Kunsill tal-Enerġija fejn il-Ministri Ewropej ivvutaw fuq proposti sabiex jiġu mġedda direttivi b’rabta ma’ enerġija rinovabbli u d-direttiva ta’ enerġija effiċjenti.