Fis-6:30 tal-Erbgħa filgħodu seħħet splużjoni f’razzett fil-limiti tal-Lunzjata r-Rabat.
Fuq il-post issejħu l-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll membri mill-Forzi Armati ta’ Malta hekk kif hemmhekk saret operazzjoni konġunta biex jintfew in-nirien u jkun assigurat li ma jkun hemm l-ebda periklu.
Fil-fatt wara l-ħidma mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien mat-Taqsima tal-Ispluzziv tal-Forzi Armati ta’ Malta instab ammont ta’ xogħol pirotekniku maħżun b’mod illegali f’razzett .
Is-sorsi ta’ one.com.mt spjegaw kif is-sejba saret wara li tkebbsu nirien fir-razzett li wasslu għal splużjoni qawwija li kawża tagħha ġġarrfet kamra.
Il-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ u qed titkellem ma’ sid ir-razzett bħala parti mill-investigazzjonijiet tagħha. Mhux qed jiġi eskluż ukoll li dan ir-razzett kien qed jintuża għall-manifattura tal-logħob tan-nar b’mod illegali.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.
One.com.mt jista’ jikkonferma li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident għajr xi annimali li kienu fl-inħawi.