It-tim nazzjonali Malti tal-Basketball tal-irġiel beda l-impenji tiegħu fil-Kampjonat Ewropew tal-FIBA tal-pajjiżi ż-żgħar b’rebħa fuq l-Ażerbaijan bl-iskor ta’ 73 għal 71.
Il-kampjonati qed isiru f’Ta’ Qali u t-team malti qed jilgħab fi Grupp A flimkien mal-Azerbaijan u Andorra.
Kif jixhed ir-riżultat tal-ewwel logħba tal-maltin, kien konfront kumbatt.
Sal-intervall l-iskor kien ta’ 28 għal 25 favur Malta. Logħba li żolġiet f’botta u risposta, bil-maltin jagħrfu jikontrollaw lill-avversarji u joħorġu rebbieħa.
Il-konfront li jmiss tat-team malti tal-irġiel ikun nhar il-Ħamis li ġej kontra Andorra fis-6.30 ta’ filgħaxija.
Qabel il-logħba ta’ Malta intlagħbet logħba minn Grupp B fejn San Marino għelbu lil Ġibiltà bi skor ta’ 61 għal 47.
Intant fl-azzjoni llum ukoll it-team nazzjonali tan-Nisa dejjem fil-Kampjonat FIBA għall-pajjiżi ż-żgħar din id-darba f’Ċipru.
It-team femminli ukoll beda l-impenji tieghu b’rebha kontra l-Kosovo bi skor ta’ 68 għal 61. Protagonista għal Malta kienet Stefi De Martino li kienet l-aqwa skorer b’25 punt.
It-team malti tan-nisa jerġa’ jkun fl-azzjoni nhar il-Ħamis li ġej fis-13.00 kontra Andorra.