Fl-aħħar ħames snin, il-Gvern ta sussidju ta’ kważi €25 miljun lil dawk li huma eliġibbli għall-benefiċċju tal-kera f’residenzi privati.
Dan ħareġ minn informazzjoni li ngħatat mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes fil-Parlament.
F’din l-informazzjoni ħareġ kif, bejn l-2017 u Mejju ta’ din is-sena gawdew minn din l-iskema 18,608 persuna.
Il-Ministru Roderick Galdes qal kif dan il-Gvern huwa impenjat li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu.
Glades qal, “Aħna daħħalna l-kunċett li kulħadd għandu dritt li jkollu saqaf fuq rasu. Ma jfissirx li ma jkollok l-ebda dritt li tingħata post tal-Gvern, imma madankollu ħloqna mekkaniżmu differenti biex kulħadd jingħata għajnuna skont iċ-ċirkustanzi li għandu u skont il-mezzi tal-income.”
Minn din l-istatistika ħareġ kif l-iżjed sena li fiha gawdew nies, f’dawn l-aħħar ħames snin, kienet is-sena li għaddiet, meta gawdew aktar minn erbat elef persuna, waqt li l-Gvern issussidja iżjed minn €7.7 miljun.
Sal-ħames xahar ta’ din is-sena gawdew minn din l-iskema kważi tlett elef u u erba’ mitt persuna, waqt li s-sussidju kien jammonta għal €3.5 miljun.
Il-Ministru Galdes innota kif ir-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern tidher ukoll f’dan il-qasam, hekk kif taħt Gvern Laburista, is-sussidju żdied b’mod qawwi.
Stqarr, “Fl-2013, fejn dak iż-żmien il-benefiċċju massimu kien ta’ madwar €700,000 għall-istat li joħroġ għajnuniet ta’ sussidju privati, illum kważi jlaħħaq madwar €7 miljun. Dan ifisser il-qabża fil-kwalità, il-qabża fl-investiment ukoll għal nies li jgħixu fil-kirjiet privati, biex b’hekk ikollhom ukoll sostenn adekwat min-naħa tal-istat.”