L-ispezzjonijiet li jsiru mir-Reġistru ta’ Negozju ta’ Malta – il-Malta Business Registry – żdiedu b’ħamsa u tmenin fil-mija matul is-sena li għaddiet.
Dan tħabbar waqt il-pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali u d-Dikjarazzjonijiet Finanzjarju tar-Reġistru għas-sena li għaddiet.
Is-sezzjoni tal-konformità fi ħdan l-Uffiċċju tar-Reġistru spezzjonat in-negozji sabiex ikunu konformi mar-Regolamenti dwar ir-Reġistru tas-Sidien Benefiċjarji skont ir-Regolament 12 tal-Att dwar il-Kumpaniji.
Ċifri uffiċjali juru li, matul l-2021, saru 1,529 spezzjoni, ekwivalenti għal żieda ta’ 85 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
Matul l-istess sena r-Reġistru żied ukoll il-proċeduri ta’ skrutinju ta’ diversi persuni b’konnessjoni ma’ kumpaniji. Fost dawn, żdiedu bi 28% l-każijiet ta’ skrutinju tad-diretturi proposti, u b’20% tal-azzjonisti.
Saret ukoll valutazzjoni mill-istess sezzjoni fil-konfront tal-benefiċjarji tal-kumpaniji, b’ħidma konġunta mal-awtoritajiet u istituzzjonijiet lokali.
Is-sezzjoni legali u għall-infurzar fi ħdan ir-Reġistru fetħet 66 kawża matul l-2021: 16 minnhom ġew deċiżi matul l-istess sena u waslu biex kumpaniji jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom permezz ta’ dokumenti u multi mħallsa.
Dan filwaqt li saret ukoll ħidma biex jiġu proposti emendi fil-liġijiet biex ikun jista’ jkompli jissaħħaħ l-infurzar kontra l-ħasil ta’ flus.
Matul is-sena li għaddiet, ir-Reġistru Malti tan-Negozji kiseb il-premju prestiġġjuż tal-HR Quality Mark għall-professjonaliżmu, il-kompetenza, u l-kontribut tal-funzjoni tar-riżorsi umani għal sena oħra konsekuttiva.
Il-Kap Eżekuttiv tar-Reġistru, Dr Geraldine Spiteri Lucas, stqarret li l-għan aħħari tar-Reġistru huwa li jipprovdi serħan il-moħħ lill-komunità kummerċjali filwaqt li jissalvagwardja l-ġuriżdizzjoni Maltija.
Hija nnutat ukoll il-bidla fil-kultura fis-settur, hekk kif il-bidliet implimentati mir-Reġistru qegħdin jintlaqgħu tajjeb.
Fl-aħħar nett, Spiteri Lucas appellat lill-kumpaniji, lill-prattikanti, u lill-fornituri tas-servizzi biex jaraw lir-Reġistru bħala sieħeb essenzjali li jiggwidahom fil-ħidma tagħhom. Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, faħħar il-ħidma li wettaq ir-Reġistru u qal li dan laħaq il-miri neċessarji. Qal ukoll li, flimkien mar-Reġistru, jinsab impenjat biex l-isfidi jkomplu jiġu ndirizzati bl-aħjar mod possibbi.