Il-laqgħa tal-Kapijiet ta’ Gvern tal-Commonwealth, magħrufa bħala ċ-CHOGM, li tlaqqgħet fir-Rwanda l-ġimgħa li għaddiet, fdat lil Malta biex isservi fil-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth (CMAG) għat-tielet darba minn meta twaqqad fl-1995.
Il-Grupp ta’ Azzjoni jfittex li jivvaluta u jappoġġa s-sostenn tal-valuri fundamentali tal-Commonwealth, inklużi l-paċi, id-demokrazija, is-separazzjoni tas-setgħat, l-istat tad-Dritt u d-drittijiet tal-bniedem.
Malta kienet diġà nħatret biex isservi fil-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth għall-perjodi bejn l-2005 u l-2007 u bejn l-2015 u l-2017, minħabba li fl-2005 u fl-2015 kienet il-President fil-kariga. Din id-darba, iċ-CHOGM ħass li kien opportun li Malta tintalab isservi fil-Grupp bħala eżempju tal-valuri li fuqhom twaqqfet din l-assoċjazzjoni.