135 tabib ingħaqdu biex jipprotestaw kontra l-Artikolu 243 tal-Kodiċi Kriminali, li fi stqarrija qalu li jimpedixxi lit-tobba milli joffru kura aħjar għall-pazjenti, speċjalment f’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm kumplikazzjoni fit-tqala.
F’dan il-protest ġudizzjarju, imressaq mill-ġinekologa Isabel Stabile, it-tobba qed jinsistu għad-dekriminalizzazzjoni ta’ meta tiġi offruta kura immedjata u fl-aqwa interess għall-pazjent.
Din il-protesta saret fi sfond tal-każ partikolari ta’ Andrea Prudente, Amerikana li ġiet Malta fuq btala mas-sieħeb tagħha u li esperjenzat korriment wara erba’ xhur tqala. B’riżultat ta’ dan, il-koppja ġiet infurmata li ma kien hemm l-ebda ċans li l-fetu jgħix minħabba ċerti kumplikazzjonijiet.
Minħabba li l-fetu kellu qalb tħabbat, l-Artikolu 243 tal-Kodiċi Kriminali Maltija żamm lit-tobba milli jtemmu t-tqala b’effett immedjat. Fi stqarrija, il-Professur Stabile sostniet li din id-deċiżjoni taffettwa b’mod negattiv mhux biss fuq is-saħħa mentali tal-individwu iżda, agħar minn hekk, twassal għall-ksur tad-drittijiet tan-nisa u, eventwalment, tneħħi l-libertà li persuna tieħu deċiżjoni fl-aqwa interess tagħha stess.