Ġiet estiża l-iskema ‘Sensability’, li permezz tagħha familji ta’ tfal b’kundizzjonijiet sensorjali se jgawdu minn għotja ta’ €6,000 biex ikollhom kamra sensjorali f’darhom.
Din l-iskema se titwessa’ biex tkopri kundizzjonijiet oħra apparti mill-awtiżmu, kif kienet meta ħarġet l-ewwel darba fl-2020. Issa, anki familji b’persuni li għandhom l-ADHD jew is-sindromu ta’ Down, fost l-oħrajn, se jkunu eliġibbli biex igawdu mill-istess skema.
B’hekk it-terapija tkun tista’ tibqa’ tingħata b’mod kontinwu fil-kumdità tad-dar bil-għan li tkompli tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-individwu.
Apparti minn hekk, il-limiti massimi tal-assi u tad-dħul tal-familji tneħħew biex b’hekk kull familja hija eliġibbli li tibbenefika minn din l-iskema irrrispettivament mill-qagħda finanzjarja tagħha.
Il-Gvern mistenni li, fejn ikun hemm il-ħtieġa, jagħti wkoll sa 25% tad-depożitu sabiex jinxtara t-tagħmir biex jintuża f’dawn il-kmamar sensorjali.
Din it-tħabbira saret f’inqas minn mitt jum ta’ Gvern ġdid Laburista; il-kontinwazzjoni ta’ din l-iskema kienet wegħda fil-manifest elettorali li llum qed iservi bħala l-porgramm tal-Gvern.
Sa issa kienu mat-tletin familja li gawdew minn din l-iskema fil-veriżjoni l-antika tagħha, kif spjegalna l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay.
“Matul dawn l-aħħar sentejn kellna tletin familja illi b’xi mod jew ieħor bbenefikaw. Hemm minnhom li diġà bbenefikaw u hemm oħrajn f’fażijiet differenti. Proprju llum li qed nagħmlu huwa li, sentejn wara, naraw li l-ebda skema li toħroġ l-Awtorità ma hija statika.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, irreferiet għall-fatt li, bit-tibdil fl-iskema, it-tagħmir li jinxtara ma jkunx marbut ma’ residenza partikolari.
“Għaliex nifhmu illi familja li tkun qed tinvesti fil-kamra sensorjali, jekk ħa tmur tgħix f’dar oħra, dan l-investiment se tkun qed tieħdu fil-propjetà l-ġdida tagħha.”
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, stqarr li din l-iskema se tagħmel differenza b’mod tanġibbli fil-ħajja ta’ dawk li se jgawdu minnha.
“Nemmnu wkoll li dan hu investiment tajjeb fost il-familji tagħna li se jkompli jkattar il-ġid u b’hekk l-iskema Sensability se tgħin lil aktar familji… li issa qed inwessgħu l-ispettru.”