Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky mistenni jagħmel talba għal aktar armi, lill-grupp tal-akbar seba’ ekonomiji fid-dinja magħrufa bħala il-G7, waqt l-indirizz tiegħu aktar tard matul il-jum.
F’messaġġ li jgħaddi ta’ kuljum permezz ta’ vidjo, Zelensky qal li se jkun jagħmel din it-talba, kif ukoll itenni l-appell għal aktar sanzjonijet fuq ir-Russja.
Dan l-appell sar hekk kif ir-Russja qed tintensfika l-attakki tagħha fuq il-kapitali Ukrena, Kiev.
Il-gwerra fl-Ukrajna hija fuq nett tal-aġenda tal-laqgħa tal-G7, fejn fil-fatt huwa mistenni li l-pajjiżi tal-grupp jwiegħdu aktar appoġġ militari lill-Ukrajna.
Intant, minkejja li l-mexxejja tal-Punent qed jipprovaw jagħtu stampa ta’ front magħqud, osservaturi politiċi qed jinnotaw li l-għaqda tal-Punent dwar il-gwwerra naqset xi ftit fl-aħħar ġimgħat; dan hekk kif hemm xi mexxejja li qed jiddiskutu relazzjonijiet fit-tul mar-Russja, filwaqt li oħrajn qed jisħqu dwar appoġġ aktar b’saħħtu għall-Ukrajna.