F’dawn ix-xhur sajfin, ix-xatt ta’ Birżebbuġa, ikun miżgħud bin-nies sa minn kmieni filgħodu, u dan, miegħu, iġib ċertu sfidi.
Fl-aħħar sigħat, żewġ persuni tressqu l-Qorti b’rabta ma’ serq ta’ numru ta’ oġġetti minn fuq il-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa.
Tkellimna mas-Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri, li saħaq dwar l-importanza tal-preżenza tal-Pulizija, li tagħti serħan il-moħħ lil dawk li jfittxu Birżebbuġa għal ftit ħin ta’ mistrieħ.
Camilleri stqarr ,“Bħala kunsill nagħmlu meetings ta’ sikwit kemm mal-Pulizija tal-Komunità, kemm ma’ dawk tad-Distrett biex aħna nkomplu nżidu s-sorveljanza tagħna fuq il-bajja b’mod speċjali s-sorveljanza bil-klieb biex ma jkunx hemm problemi ta’ drogi eċċ. Informat ukoll li se jkollna sorveljanza mill-Pulizija bil-Kavallerija biex tagħti aktar post sigur u ta’ serħan il-moħħ għal dawk li jiġu viżitaturi ġewwa l-lokalità tagħna.”
Is-Sindku qal ukoll li l-Pulizija tal-Komunità jagħmlu rondi fuq il-bajjiet tal-lokal, u jwissu lil dawk li jkunu fuq il-bajja f’każ li jkollhom xi oġġetti, fosthom basktijiet miftuħa, biex jieħdu ħsieb u ma jkunux vittmi ta’ xi serq.
L-istess twissija tmur għal kull min ifittex ix-xtajtiet l-oħra madwar Malta u Għawdex.