Justin Degabriele u missieru Lawrence Degabriele nħelsu mill-arrest wara li wieġbu li mhux ħatja li taw xebgħa u weġġgħu b’mod gravi lill-ġuvni tal-eks tfajla tal-iben.
Justin Degabriele ġie akkużat ukoll li kisser proprjetà tal-allegat vittma, u li huwa riċediv.
Fil-Qorti nstema’ kif il-familja Degabriele allegatament sgassat il-bieb tad-dar tal-eks tfajla ta’ wieħed mill-imputati, fejn kien hemm is-sieħeb tagħha.
L-allegat vittma kien qal lill-Pulizija kif, wara li sgassaw il-bieb, allegatament bdew jagħtuh daqqiet ta’ ponn.
Intqal kif l-imputati marru l-għassa tal-Pulizija b’mod volontarju, u hemmhekk ġew arrestati.
Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000, u ġew ordnati ma jersqux lejn iż-Żejtun, fejn seħħ l-allegat attakk.