Anzjani ta’ ’l fuq minn sittin sena u li għadhom jgħixu fil-komunità se jkunu qed jibbenefikaw minn offerti ġodda u vantaġġjużi tat-telekomunikazzjoni biex b’hekk jifdlilhom aktar flus f’buthom.
Dan se jkun possibbli permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva mal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni EPIC.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif dawn l-offerti ġodda jagħmlu parti mill-Iskema ta’ Skontijiet għall-Anzjani. Permezz ta’ dan il-ftehim, anzjani li jippreżentaw il-karta tal-identità Maltija se jkollhom offerta fuq il-‘Monthly Mobile Plan’. Għall-prezz ta’ €14.99 fix-xahar se jibbenefikaw minn 8GB dejta lokali kif ukoll minn telefonati u SMSijiet bla limitu, kemm lokali kif ukoll għall-UE u għar-Renju Unit.
Għaldaqstant, aktar anzjani se jkunu qed jiġu mħeġġa jużaw metodi teknoloġiċi varji ta’ komunikazzjoni fil-komunità u b’hekk tkompli tissaħħaħ il-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni attiva permezz tat-teknoloġija.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, li ppresjieda l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, sostna li dan huwa xhieda oħra ta’ ħidma mill-Gvern mas-settur privat sabiex jibqgħu jitwettqu proġetti b’risq is-soċjetà Maltija.
Il-Ministru qal li wara snin twal ta’ ħidma b’risq is-soċjetà u l-familji tagħhom, l-anzjani Maltin u Għawdxin jixraqilhom ħajja diċenti b’servizzi tal-ogħla livell li huma ssussidjati jew imħallsa mill-Gvern. Huwa fakkar li kien dan il-Gvern li, għal sena wara oħra, żied il-pensjonijiet tal-anzjani.
“Nistieden l-investituri lokali sabiex iħejju proposti ta’ kif nistgħu naħdmu flimkien sabiex jiġi assigurat li s-settur tal-anzjanità f’Malta jkompli jissaħħaħ u jilħaq livell ta’ eċċellenza,” temm jgħid il-Ministru Abela.