Ġiet varata t-tieni fażi ta’ inizjattiva tal-Gvern li hija mmirata biex l-intrapriżi żgħar u medji jsiru jafu aktar dwar l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u fuq il-komunitajiet ta’ madwarhom.
L-inizjattiva, li biha twettqet wiegħda elettorali li kienet saret bil-għan li twessa’ l-aċċess għall-kapital lill-kumpaniji Maltin, ġiet varata waqt konferenza dwar il-kriterji ambjentali, soċjali, u ta’ governanza – magħrufin bħala l-ESGs – li jirreferu għall-prinċipji fl-operat tal-kumpaniji, u jirrappreżentaw rivoluzzjoni ġdida fit-tmexxija tal-intrapriżi.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb, qalet li l-implimentazzjoni tal-ESGs hija indikazzjoni tal-kwalità tal-immaniġjar, u li l-intrapriżi għandhom iħarsu lejn din l-implimentazzjoni bħala investiment, u mhux bħala spiża żejda. L-implimentazzjoni tal-ESGs saħansitra sservi biex, maż-żmien, l-ispejjeż tal-intrapriżi jonqsu.
Il-Ministru responsabbli mill-Intrapriża, Miriam Dalli, stqarret li l-implimentazzjoni tal-ESGs hija kruċjali sabiex l-ekonomija ssir waħda newtrali mill-karbonju. Apparti minn hekk, l-ESGs jassiguraw aktar trasparenza għall-investituri u għall-klijenti, u jagħmlu lill-istess kumpaniji aktar kompetittivi.
Il-Ministru Dalli nnutat li din l-inizjattiva turi l-impenn tal-Gvern biex ikun ta’ spalla għall-intrapriżi fit-tranżazzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli.
“F’Diċembru li għadda nedejna l-ewwel fażi ta’ dak li jissejjaħ l-ESG Portal, fejn konna qegħdin nappellaw lill-kumpaniji li huma listed fuq l-istock exchange biex ikunu parti minn din l-inizjattiva u jkunu qegħdin ukoll jaraw l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, l-aspett soċjali, u anke dak ta’ governanza. Illum qed inniedu t-tieni fażi ta’ dan il-portal għax irridu aktar kumpaniji Maltin li rajna li huma konxji dwar l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u fuq il-komunitajiet tagħna biex ikunu parti minn dan l-ESG portal, u anke huma jkunu qegħdin jaraw u jimmiżuraw l-aspett ambjentali, soċjali, u ta’ governanza fil-kumpanija tagħhom.”
Waqt il-konferenza ġie spjegat kif il-ħidma sabiex kumpaniji jħaddnu l-valuri tal-ESGs issarraf f’aktar prosperità għal kull min hu involut.
Steve Ellul, Uffiċċjal tal-Ministeru, spjega kif il-kumpaniji li kienu aktar sensittivi għall-ħtiġijiet tal-ambjent u tal-komunitajiet ta’ madwarhom, kellhom tnaqqis sinifikanti fit-tniġġis, fil-konsum tal-ilma, u fil-ġenerazzjoni tal-iskart tagħhom.
“Għadna kif rajna l-inizjattiva li nieda wkoll il-Ministeru tal-Ambjent, tal-Enerġija u tal-Intrapriża flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ. Numru ta’ kumpaniji, ammont kbir ta’ kumpaniji Maltin, homegrown companies tagħna, dawn sabiex jinvestu għax iridu jinvestu huma fl-ambjent, iridu jinvestu fil-qasam soċjali u ta’ governanza wkoll. Dan qed jagħmluh għaliex qiegħdin jindunaw li dawk il-kumpaniji li jinvestu fil-kwalità tal-ħajja tal-komunità tagħna, fl-ambjent u fis-soċjal, huma dawk il-kumpaniji li qed iħallu investiment aħjar, ritorn u profitabbilità aħjar lill-investituri tagħhom; xi ħaġa li rridu nkomplu mmexxu ‘l quddiem.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, innota kif l-użu tal-ESGs huwa rivoluzzjoni ġdida fid-dinja tal-kummerċ. Stqarr li l-Malta Enterprise se tagħmel dak kollu li tista’ sabiex intrapriżi ta’ kull daqs ikunu jistgħu igawdu mill-benefiċċji tal-ESGs.