Twettqet miżura oħra tal-Baġit għall-2022 meta nfetħet uffiċjalment is-Sezzjoni tas-Sorveljanza fl-Aġenzija tal-Ikel.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, qal li l-ftuħ ta’ din is-sezzjoni huwa kruċjali ferm għas-settur. Huwa spjega li wħud mill-funzjonijiet ta’ din is-sezzjoni huma li jiġi żgurat li ma jkunx hemm frodi fil-bejgħ tal-prodott agrikolu Malti; li jitwettqu spezzjonijiet meħtieġa fis-settur; li jiġu implimentati l-istandards tal-kumerċjalizzazzjoni fuq il-frott u l-ħaxix frisk; li jisaħħu u jiġu rregolati s-swieq tal-bdiewa; kif ukoll li jingħata appoġġ lid-dipartimenti fl-Aġenzija tal-Ikel biex ikun hemm titjib fis-servizzi li jiġu offruti.
It-twaqqif tas-Sezzjoni ta’ Sorveljanza jimxi id f’id ma’ ħidma li diġà saret fil-qasam, li tinkludi inizjattivi relatati mas-swieq tal-bdiewa u eżerċizzju fuq il-liġijiet relatati mal-ħidma tal-Aġenzija tal-Ikel. Saru wkoll spezzjonijiet regolari fil-Pitkalija, filwaqt li ngħata taħriġ lill-ħaddiema.
Il-Ministru Refalo qal li dan kollu jkompli jixhed kemm il-Gvern huwa impenjat li jibqa’ jsaħħaħ is-settur tal-biedja f’Malta.