Inbeda l-proċess biex art verġni fiż-Żonqor tibqa’ mhux mittiefsa, art fil-Kottonera li kellha tinbena mill-American University of Malta tingħata lura lin-nies, filwaqt li SmartCity se tibqa’ tingħata l-ħajja u ssir waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin f’pajjiżna.
Fi stqarrija, il-Ministru responsabbli mill-Artijiet, Silvio Schembri, ħabbar li ressaq żewġ riżoluzzjonijiet u d-dokumentazzjoni relevanti mas-suġġett lill-membri tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fi ħdan il-Parlament.
Dan kollu sar inqas minn mitt jum wara li beda l-mandat ta’ Gvern ġdid immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, li fuq ix-xandir kien għamel din il-wegħda.
“Irnexxielna nilliberaw dik l-area sħiħa illi kienet se tintuża bħala dormitorji, dik li tagħti għal bieb l-Isla: dik se nagħtuha lura lin-nies ta’ Bormla u tal-Kottonera kollha. Imma mbagħad irnexxielna naslu wkoll fuq Wied il-Għajn ukoll, u fuq Wied il-Għajn ukoll irnexxielna nilliberaw l-area kollha minn żvilupp. Jiġifieri dik l-area li hija f’ODZ, kif ukoll l-area li tinsab fejn il-pixxina u fejn il-parkeġġ, dik l-Università se tagħtiha lura lill-Gvern biex aħna nkunu nistgħu nagħtuha lura lin-nies.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Permezz ta’ żewġ ftehimiet separati, il-Gvern se jikseb lura art fi SmartCity li se tiġi allokata għal diversi inizjattivi, fosthom ir-rilokazzjoni tal-American University of Malta minn Wied il-Għajn u minn parti f’Bormla li kienet se tinbena.
Fuq l-art fi SmartCity se jinbena wkoll il-kampus il-ġdid tal-ITS.
Mal-AUM il-bidliet huma primarjament ibbażati fuq it-tpartit ta’ art ma’ oħra filwaqt li, fil-każ ta’ SmaryCity, il-Gvern qed jimpenja ruħu li jagħmel ċertu investiment li minnu tgawdi l-komunità kollha kemm hi.
Fi SmartCity, l-ispazji miftuħa mistennija jiżdiedu.
Fi stqarrija maħruġa mill-Gvern intqal li l-art fiż-Żonqor rinunzjata lura lill-Gvern se tkun parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar, l-art li se tingħata lura lill-poplu f’Bormla se tara proġett ta’ tisbiħ, u n-Nofsinhar ta’ Malta se jkompli jgawdi minn investiment u ħolqien ta’ impjiegi.
AQRA AKTAR: