Żewġ imħażen tal-Kavallieri se jinbidlu f’uffiċini għad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol, b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro.
Dawn iż-żewġ binjiet huma fost l-eqdem fil-kapitali Maltija u qed jiġu rrestawrati b’tali mod li jżommu mal-aspetti storiċi tagħhom.
Fl-istess waqt se jservu biex jaqdu liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment, Diane Vella Muscat spjegat li minn dawn l-imħażen, se jingħataw servizzi ta’ żewġ sezzjonijiet importanti fi ħdan id-Dipartiment.
L-ewwel sezzjoni se tkun iddedikata għall-klijenti biex ikunu jistgħu jissottomettu l-ilmenti tagħhom, filwaqt li t-tieni sezzjoni se tkun iddedikata għall-amministrazzjoni u s-segretarjat tat-tribunal.
“Se jkun hemm spazju ddedikat li bħalissa mhux possibbli li jiġi offrut, iżda permezz ta’ dan ir-restawr, ħa noffruh għal dawk il-partijiet interessati li jkunu jridu jiġu hawn biex jaraw xi każ jew xi riċerka skont il-ħieġa.”
Meta ħabbar dawn id-dettalji, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, innota kif dan l-investiment se jkompli jappoġġja lil min iħaddem u jissalvagwardja l-interessi tal-ħaddiema.
“Ħa jkompli jsaħħaħ is-servizzi ta’ dan id-dipartiment, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ drittijiet tal-ħaddiema, u kemm anke jirrikorru hawnhekk min iħaddem. B’hekk il-customer support se tkompli taħdem aktar b’mod professjoni f’post li jixirqilha.”
Is-sena li għaddiet, aktar minn elf u tmien mitt persuna żaru d-Dipartiment biex jiksbu informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol jew biex jiftħu każ.
Fl-istess waqt, is-sena ta’ qabel, id-Dipartiment wieġeb madwar ħamsa u erbgħin elf telefonata u tlettax-il elf imejl.