Raġel ta’ 38 sena minn Ħaż-Żebbuġ baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ tliet serqiet minn siti reliġjużi fis-Siġġiewi u f’Ħaż-Żebbuġ.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li matul dan ix-xahar, ir-raġel sgassa santwarju u kappella li minnhom seraq diversi oġġetti fosthom kalċi u flus kontanti, kif ukoll seraq minn kaxxa tad-donazzjonijiet ta’ statwa.
L-investigazzjonijiet wasslu biex il-Pulizija identifikat lir-raġel bħala l-allegat ħalliel li wettaq dawn is-serqiet.
Ir-raġel ġie arrestat ilbieraħ filgħodu f’Ħaż-Żebbuġ mill-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija ta’ Ħal Qormi.
Huwa tressaq il-Qorti llum u wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.