Kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Ryan Schembri, l-eks direttur tal-More Supermarkets li qed ikun mixli b’ħasil ta’ flus, fost l-oħrajn.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech intqal kif fil-kontijiet tiegħu kien hemm maż-żewġ miljuni u erba’ mitt elf ewro neqsin. Schembri qatt ma kien ta spjegazzjoni lill-Awditur Patrick Camilleri dwar dawn il-flus.
Fl-istess seduta ntqal kif lura fl-2002 ġiet iffurmata l-kumpanija Cassar and Schembri wara li Etienne Cassar fetaħ il-kumpanija ma’ Schembri minħabba li dan kien tekniku fejn jidħlu l-finanzi.
Intqal ukoll kif l-ewwel ħanut tal-More Supermarkets infetaħ fl-2011, u f’sentejn infetħu erbgħa oħra. Dwar dan Etienne Schembri xehed li ta spiss kien jgħid lill-akkużat li kienu qegħdin jgħaġġlu.
In-negozju ta’ bejniethom kellu medja ta’ tlettax-il miljun ewro fis-sena fi dħul, madanakollu l-problemi bdew iqumu meta fl-2014 Schembri kien iddaħħal l-isptar u bosta persuni bdew jitolbu flushom lura.
Is-smigħ tal-każ mistenni jkompli fil-ġimgħat li ġejjin.