Matul is-sena li għaddiet, waslu f’pajjiżna 838 immigrant irregolari.
Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fil-jum iddedikat għar-refuġjati, joħroġ ċar kif dawn iċ-ċifri huma inqas sew mis-snin ta’ qabel u kulma jmur qed ikomplu jonqsu l-wasliet.
Fl-2020, f’pajjiżna waslu 2,281 immigrant. Dan ifisser li s-sena l-oħra, l-immigranti li ġew Malta naqsu b’aktar minn elf u erba’ mija fuq is-sena ta’ qabel.
Iċ-ċifri tas-sena l-oħra huma ferm inqas mill-immigranti li waslu f’pajjiżna fl-2019, hekk kif id-differenza hija ta’ aktar minn elfejn u ħames mitt immigrant.
Anki n-numru ta’ dgħajjes bl-immigranti, naqsu sew is-sena li għaddiet.
Fl-elfejn u dsatax ġew tlieta u erbgħin dgħajsa. Sena wara daħlu disgħa u għoxrin dgħajsa, waqt li s-sena li għaddiet ġew sbatax-il dgħajsa.
Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri nnota kif is-sena l-oħra kien hemm numru rekord ta’ immigranti li ntbagħtu lura f’pajjiżhom, wara li ġew Malta b’mod irregolari u mingħajr dokumenti.
Fil-fatt, fl-elfejn u wieħed u għoxrin, aktar minn erba’ mitt immigrant intbagħtu lura lejn pajjiżhom.
Qal, “Fl-aħħar snin għamilna bidliet kbar fejn tidħol il-politika tal-Gvern fuq l-immigrazzjoni irregolari, fejn rajna li l-politika tagħna tkun ibbażata fuq li nkunu ibsin ħafna ma’ min qed jabbuża mis-sistema u allura per eżempju, is-sena l-oħra kellek rekord ta’ persuni li ntbagħtu lura fil-pajjiż tal-oriġinu tagħhom, għaliex ma kienx ħaqqhom, għaliex ma kinux verament refuġjati, iżda fl-istess ħin irridu nagħtu d-drittijiet tad-dinja lil dawk li huma verament refuġjati. Bħalissa qed narawha anki fejn jidħlu persuni li ġejjin mill-Ukrajna li qegħdin jaħarbu minn gwerra.”
Il-Ministru qal li din il-politika wasslet biex it-traffikanti tal-bnedmin ma baqgħux iħarsu lejn Malta bħala post li minnu jistgħu jittrafikaw lill-persuni.
Qal, “Tant li rajna numru ta’ persuni speċjalment minn ċertu nazzjonalitajiet illi jidher biċ-ċar li m’għandhomx jintbagħtu lejn Malta, għaliex jafu li Malta tieħu l-affarijiet bis-serjetà u fl-aħħar mill-aħħar dan wassal ukoll għal tnaqqis sostanzjali fil-wasliet tal-immigranti irregolari lejn pajjiżna.”