Il-Fondazzjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Kultura u t-Teatru Manoel ingħaqdu biex jippreżentaw dan l-artist ċelebri Brittaniku bħala parti mill-Festival Internazzjonali tal-Mużika f’Malta
Il-mużiċist leġġendarju Brittaniku Ashley Wass qed iħejji biex jagħti recital tal-pjanu fit-Teatru Manoel bħala parti mill-Festival Internazzjonali tal-Mużika f’Malta.
Fi preżentazzjoni mtellgħa mill-Fondazzjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Kultura u t-Teatru Manoel, Ashley Wass se jitla’ fuq il-palk tal-Manoel għal recital ta’ darba, nhar is-26 ta’ Ġunju fit-8pm.
Il-karriera mużikali ta’ Ashley Wass bdiet meta kellu ħames snin, u ‘l quddiem tħarreġ permezz ta’ borża ta’ studju fl-Akkademja Rjali tal-Mużika, f’Londra. Wara li rebaħ il-Kompetizzjoni Internazzjonali tal-Pjanu f’Londra fl-1997, Wass sar l-ewwel artist solista li ffirma kuntratt esklussiv għal rekording mad-ditta ewlenija Naxos. Apparti li rrekordja diskografija estensiva, Ashley Wass huwa wkoll il-ko-fundatur ta’ Mash Productions, kien Direttur Artistiku tal-Lincolnshire International Chamber Music Festival, u bħalissa huwa d-Direttur tal-Mużika kemm fl-iskola Yehudi Menuhin fir-Renju Unit kif ukoll fl-iskola msieħba tagħha f’Qingdao.
Sadanittant, bis-saħħa ta’ xogħlu bħala solist u mużiċist da camera, Ashley Wass ta wirjiet bħala parti minn diversi festivals internazzjonali u f’bosta mill-ifjen swali tal-kunċerti fid-dinja akkumpanjat minn orkestri distinti. Huwa ta sehmu f’kunċert Gala f’Buckingham Palace fl-okkażjoni tal-Ġublew tad-Deheb tar-Reġina Eliżabetta II, u ngħaqad mal-kast ta’ BBC Proms bosta drabi. Riċentement, l-avvenimenti saljenti tal-karriera tiegħu jinkludu debutt fil-Melbourne Recital Centre, prestazzjonijiet ċelebri mal-BBC Scottish Symphony Orchestra u BBC NOW, tour fl-Amerika t’Isfel, kif ukoll tour ta’ recitals bħala solist.
Il-programm varjat tar-recital tiegħu fit-Teatru Manoel jinkludi Partita No.1 in B flat major ta’ Bach, Piano Sonata ta’ Shor-Pletnev, Kinderszenen ta’ Schumann, kif ukoll Prelude and Fugue in E Minor u Prelude and Fugue in D Minor, it-tnejn ta’ Shostakovich.
“It-Teatru Manoel għandu pjaċir kbir jippreżenta lil Ashley Wass, għal dik li mistennija tkun serata indimentikabbli ta’ mużika straordinarja. F’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Kultura, aħna kburin li se nilqgħu f’Malta artist mużikali daqstant distint, li se jdoqq live fit-teatru nazzjonali biex l-udjenza lokali tkun tista’ tgawdi din l-esperjenza.”
MASSIMO ZAMMIT, KAP EŻEKUTTIV TAT-TEATRU MANOEL
Ir-recital huwa parti mill-Festival Internazzjonali tal-Mużika f’Malta, ippreżentat mill-Fondazzjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Kultura bejn il-15 ta’ Ġunju u t-13 ta’ Lulju. Dan l-avveniment annwali jiċċelebra interpretazzjonijiet ta’ mużika klassika ta’ livell mondjali, f’postijiet prestiġjużi madwar il-gżejjer Maltin.
Piano Recital – Legendary British Star Ashley Wass se jittella’ nhar is-26 ta’ Ġunju 2022 fit-8pm. Il-biljetti jistgħu jinkisbu permezz ta’ email lil bookings@teatrumanoel.mt, billi ċċempel fuq 21246389 jew inkella online minn www.teatrumanoel.mt jew www.eufsc.eu.