Ftit tal-jiem ilu, John, isem fittizju li tajna lil raġel li xtaq jibqa’ anonimu, sar missier għat-tieni darba.
Fl-intervista miegħu, għajnejh xegħlu meta semma lil uliedu, u bi tbissima rrakkonta kif it-trobbija li kellu, indukratu biex huwa wkoll isir missier, li jħobb b’għożża lil uliedu.
“Kif nikber insir ġenitur bħalhom u fl-aħħar mill-aħħar ikolli l-familja tiegħi. Għall-grazzja t’Alla rnexxielna jkollna l-familja, bħala koppja għaddejna minn ċertu tip ta’ problemi wkoll, imma għall-grazzja t’Alla issa għandna żewġt itfal.”
Bħalma qal il-missier, it-triq biex hu flimkien ma’ martu jsiru ġenituri, ma kinitx ward u żahar.
Fil-fatt, xi snin ilu kellhom isifru lejn Spanja, biex ’il bogħod mill-familja, jagħmlu t-trattamenti biex jibdew il-proċess tal-IVF.
Qalilna li hija weġgħa meta jisma’ ċertu argumenti, li forsi anki mingħajr għarfien fuq is-suġġett, jippruvaw ixekklu progress biex dawn it-trattamenti jitjiebu u jsiru f’pajjiżna stess.
“Naħseb jien, aħna għandna mmorru iżjed għal sitwazzjoni fejn, kif jaħdmu internazzjonalment milli niffokaw iżjed fuq il-ġlied lokali bejnietna. Ma jagħmilx sens li barra minn Malta, anke fl-Ewropa stess inti tista’ tmur u tagħmel ċertu tip ta’ trattamenti u mbagħad hawnhekk aħna bħala gżira nipprovaw inwaqqfu l-opportunitajiet biex familji jsiru familji.”
Ir-raġel xtaq jibqa’ anonimu, għaliex minkejja l-progress li qed isir biex aktar persuni f’pajjiżna jsiru ġenituri permezz tal-IVF, għad hawn uħud li jippreġudikaw koppji li jgħaddu minn dan il-proċess, u saħansitra anke lit-tfal li jitwieldu minn tqala bl-IVF.
Il-missier faħħar l-emendi li ppropona l-Gvern u għadda messaġġ lill-koppji li bħalissa għaddejjin minn sfidi biex isiru ġenituri.
“Inti trid tkun b’saħħtek biżżejjed biex tgħid li ħa nasal u ħa negħleb dawn il-problemi li għandi, aħna għaddejna, kien hemm żmien fejn kellna nsiefru barra. Issa għall-grazzja t’Alla jekk jgħaddu ċertu emendi fil-liġi, m’għandhomx għalfejn ċertu koppji jsiefru barra minn Malta. Nemmen li dejjem jista’ jsir iżjed, imma naħseb li bl-emendi ħa jkun improvement tajjeb ħafna.”