Minn Jannar tal-2020, mindu Robert Abela sar Prim Ministru ta’ Malta, f’pajjiżna kien hawn dsatax-il elf impjieg ġdid.
Dan ħareġ mil-Labour Force Survey għall-ewwel kwart ta’ din is-sena, li rrapputat dwaru l-gazzetta KullĦadd.
Din iż-żieda fl-impjiegi seħħet minkejja sfidi internazzjonali bla preċedent, li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19.
Skont il-Labour Force Survey, f’pajjiżna hawn jaħdmu kważi 274,500 persuna.
Hawnhekk ġie nnutat kif minn Jannar tal-2020, bħala medja, żdiedu tlieta u għoxrin persuna jaħdmu kuljum.
Il-Labour Force Survey jindika wkoll li r-rata tal-impjiegi f’pajjiżna laħqet in-numru rekord ta’ sitta u sebgħin fil-mija.
Hawnhekk joħroġ kif fl-ewwel kwart tas-sena, kien hawn 11,500 persuna jaħdmu iktar, mill-istess perjodu ta’ sena ilu.
Fis-settur tas-servizzi finanzjarji kien hemm żieda ta’ 5 fil-mija fi żmien sena, waqt li l-ħaddiema tal-gaming żdiedu b’6 fil-mija mill-2020.
Dan minkejja l-biża’ li ppruvat tiżra’ l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tul l-aħħar xhur.
Il-gazzetta KullĦadd innutat ukoll kif il-ġid nazzjonali Malti s-sena li għaddiet kien nofs biljun ewro aktar milli kien fl-2019, fis-sena ta’ qabel il-pandemija.