L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità ffirmaw ftehim biex jissaħħu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.
Dan se jfisser li s-CRPD se tassisti f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċessibilità tal-prodotti li huma regolati mid-Direttiva Ewropea dwar l-Aċċessibilità, bħal kompjuters, e-books u servizzi bankarji.
Il-Kummissarju tas-CRPD, Samantha Pace Gasan qalet kif dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ l-irwol tal-Kummissjoni fejn jidħlu infurzar u sorveljanza tal-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità.
Samantha Pace Gasan qalet, “Ovvjament din hija direttiva li tkompli ġġib lil pajjiżna eqreb għad-drittijiet għal persuni b’diżabilità, anki f’dak li jirrigwardja l-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità tal-Ġnus Magħquda.”
Iċ-Chairperson tal-MCCAA, Helga Pizzuto qalet kif iż-żewġ awtoritajiet se jaħdmu flimkien biex ikun hemm użu aħjar tar-riżorsi.
Stqarret, “Hemm bnadi oħrajn fejn wieħed jista’ jagħmel sharing tal-esperjenza u b’knowledge bejn awtorita u awtorita u dan li se nagħmlu permezz ta’ dan il-ftehim.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli spjegat kif dan il-ftehim se jassigura li persuni b’diżabilità ma jkunux ostakolati milli jgħixu ħajja indipendenti minħabba n-nuqqas ta’ aċċessibilità ta’ prodotti.