Għall-festa ta’ Corpus, il-komunità tal-Pawlini fir-Rabat, taħt it-tmexxija tal-Kumitat tal-Festi Esterni, ħasbet li għas-sitt darba ttella’ infjorata biswit il-knisja Bażilika ta’ San Pawl.
Dis-sena, il-parroċċa se tilqa’ fi ħdanha lill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J Scicluna biex imexxi l-purċissjoni.
Tkellimna ma’ Chris Calleja, li flimkien ma’ Priscilla Dimech jieħu ħsieb li ssir din l-infjorata.
‘L-idea nibtet sitt snin ilu minn grupp li kien qed jieħu ħsieb l-idea tal-fjuri, il-weraq tar-rand mal-art, però mbagħad nibtet l-idea li nagħmlu tapit tal-fjuri biex jgħaddi s-Sagrament minn fuqha.
Staqsejnieh dwar il-materjal li jintuża għal din l-infjorata.
‘Fjuri nista ngħidlek li għandna fuq 300 pakkett ta’ fjuri plus il-ħafna sempre viva li nużaw. Plus il-fjuri nużaw ramel, te, kafe, pit, zkuk, weraq, dak kollu għandu x’jaqsam man-natura.’
Is-Sur Calleja tkellem ma’ One News dwar is-sodisfazzjon li ttih l-organizzazzjoni tal-Infjorata.
‘Trid taħdimha l-aħħar tlett ijiem, erbat ijiem bil-fjuri friski, għaliex it-temp li huwa Ġunju, nista’ ngħidlek li kif toħroġhom hawn barra jinxfulna mill-ewwel u trid toqgħod attent kif taħdimhom għax jinxiflek kollox. Bħala grupp qegħdin ħafna mill-kbar saż-żgħar, nista’ ngħidlek li t-tfal żgħar ġew hawnhekk u huma l-futur tagħna, x’ħin tara t-tfal, jien għalija s-sodisfazzjon meta tibda tara n-nies, x’ħin tkun lest”
Ma stajniex ma nitkellmux ukoll mal-Arċipriet Joseph Mizzi li kien qed jagħti l-appoġġ tiegħu lill-parruċċani voluntiera.
‘Corpus hija l-qalba, ir-ruħ tal-Knisja, il-Knisja ma tgħixx mingħajr l-Ewkaristija. L-Ewkaristija hija ċ-ċentru tal-Knisja u għalhekk il-Knisja tfittex dejjem li tadura, tqim l-Ewkaristija u twassal dejjem dan il-messaġġ li bħal Ġesù hekk irridu nagħmlu aħna lkoll l-Insara. Issa j’Alla, aħna li bdejna niċċelebraw il-festi nagħrfu iktar is-siewi tal-quddiesa, tas-sinifikat tal-Ewkaristija tas-sagramenti biex niċċelebraw b’mod sabiħ kemm spiritwalment u kemm esternament fit-toroq tagħna.’