Fl-2021, fis-swali taċ-ċinema f’Malta u f’Għawdex intwerew 358 film, li għalihom inqatgħu madwar 269,763.
Dawn iċ-ċifri ħarġu fi statistka tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li wriet ukoll kif is-sena l-oħra kien hemm sitt kumplessi taċ-ċinema b’25 skrin. Minn dawn, tnejn jinsabu f’Għawdex.
Bejniethom dawn il-kumplessi għandhom 1,633 siġġu.
L-istatistika turi kif fl-istess sena, il-films intwerew għal aktar minn wieħed u għoxrin elf darba, li jfisser li kull film intwera disgħa u ħamsin darba.
Għall-films ta’ produzzjonijiet Maltin, inxtraw kważi tnax-il elf biljett li fissru aktar minn sebgħa u tmenin elf ewro f’erba’ mija u disa’ u tletin darba li ntwera l-film.
Min-naħa l-oħra, għall-films barranin inqatgħu madwar mitejn u sittin elf biljett li fissru kważi miljun, tmien mija u wieħed u tmenin elf ewro f’aktar minn għoxrin elf u tmien mitt darba li ntwera l-film.
Fis-sena li fiha kien għad baqa’ xi restrizzjonijiet b’rabta mal-pandemija, in-nies kellhom għażla ta’ tliet mija u tmienja u ħamsin film jew produzzjoni minn fejn jagħżlu.
Minn dawn, żewġ terzi kienu films bi stejjer mhux reali.
Fl-2021, l-aktar films popolari kienu, ‘No Time to Die’, ‘Spider-Man: No Way Home’ u ‘Fast & Furious 9’.
Il-ħin medju tal-films li ntwerew fiċ-ċinema kien ta’ bejn sitta u sebgħin minuta u sagħtejn.
Intant, l-istatistika tal-NSO turi wkoll kif is-sena l-oħra, il-ħaddiema fis-swali taċ-ċinema f’pajjiżna kienu jgħoddu għal 77 persuna, li aktar minn disgħa u sebgħin fil-mija minnhom jaħdmu fuq bażi part-time.