Ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, li għandu jsaħħaħ is-sigurtà tal-pubbliku f’żoni fejn ikunu qed isiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kapijiet Eżekuttivi taż-żewġ awtoritajiet rispettivi u huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, li jelenka b’mod ċar l-impenn biex jiġu trattati materji li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-pubbliku.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, Jesmond Muscat qal li b’dan il-ftehim, l-awtorità se tkun qed tieħu azzjoni immedjata għar-rapporti li jkunu saru, li jinkludu ilmenti dwar siti ta’ kostruzzjoni u makkinarju abbundanti, u nuqqas ta’ permessi biex karozzi ma jipparkjawx quddiem siti ta’ kostruzzjoni.
“L-uffiċjali tal-BCA flimkien mal-uffiċjali tal-OHSA ħa jaħdmu flimkien biex itejbu l-post tal-ħaddiema tax-xogħol fil-kostruzzjoni, jaraw ukoll il-ħsibijiet tan-nies, il-kuntratturi u d-developers.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, Mark Gauci, qal li dan il-ftehim għandu jsaħħaħ ir-relazzjoni tal-OHSA mal-awtorità responsabbli mill-bini f’pajjiżna.
“Dan l-MOU jifformalizza r-relazzjoni bejn l-OHSA u l-BCA u fil-fatt, iwitti t-triq biex ikun hemm iżjed ko-ordinazzjoni u ħidma bejn iż-żewġ entitajiet u l-istakeholders f’dan il-qasam tant importanti għall-ekonomija tal-pajjiż.”
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-ftehim huwa eżempju ta’ kif dan il-Gvern qed jagħti importanza, mhux biss lis-settur tal-kostruzzjoni, iżda wkoll lill-partijiet terzi li jinsabu qrib siti ta’ kostruzzjoni.
“Inħares ’il quddiem li dawn iż-żewġ entitajiet ikomplu jżidu l-ħidma tagħhom filwaqt li flimkien ikomplu jagħtu gwida biex insaħħu l-kultura favur aktar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-qasam tal-kostruzzjoni filwaqt li permezz tal-BCA, intejbu l-kwalità ta’ kif isiru proġetti ta’ kostruzzjoni f’pajjiżna.”