Il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, ippreżentat ir-riżultati ta’ studji li għamlet dwar it-triq ’il quddiem f’każijiet fejn l-ulied jitbiegħdu, b’mod intenzjonat, minn xi ħadd mill-ġenituri.
Dawn il-każijiet jissejħu Parental Alienation, li għalkemm definizzjoni jew terminu legali għaliha għad m’hawnx, wieħed jista’ jgħid li t-tfal jispiċċaw vittmi ta’ ġlied bejn il-ġenituri, li ħafna drabi jkunu għaddejjin minn separazzjoni jew divorzju, billi jitbiegħdu minn xi ġenitur mingħajr ġustifikazzjoni leġittima.
Id-Direttur tas-Servizzi tal-Protezzjoni tat-Tfal, Steve Libreri, li jmexxi l-Kumitat Tekniku li nħoloq is-sena li għaddiet fuq Parental Alienation, spjega aktar dwar dan il-fenomenu.
“Prattikament, il-ġenitur jipprogramma ideat u memorji fil-moħħ tat-tfal biex jiffurmaw opinjonijiet kontra l-ġenitur l-ieħor ħalli dak it-tifel, b’mod awtomatiku, jixxaqleb lejja fil-ġlieda li jiena għandi, jiġifieri nkun daħħaltu fil-ġlieda tiegħi mingħajr m’għandu għalfejn.”
Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, il-Professur Andrew Azzopardi, spjega li fil-qofol ta’ dan l-istudju joħorġ li t-tfal huma dejjem vittmi ta’ dawn il-każijiet.
Huwa semma wkoll il-bżonn ta’ aktar riċerka fuq is-suġġett, hekk kif f’wieħed mill-istudji saħansitra joħroġ li erbgħa minn kull ħames persuni ma kinux jafu x’inhuwa Parental Alienation.
“Għandna bżonn inħarrġu l-professjonisti tagħna u għandna bżonn nassiguraw li fil-Fakultà tagħna imma anki f’Universitajiet oħra, ikollna aktar professjonisti għaliex waħda mis-soluzzjonijiet hija t-terapija, kemm għat-tfal li jkunu għaddew minn din is-sitwazzjoni anki meta jkunu kibru u saru adulti, kif ukoll għall-koppji.”
Dawn l-istudji ħarġu l-bżonn ta’ definizzjoni u kunċett legali għall-Parental Alienation, u l-Ministru tal-Ġustizzja, Jonathan Attard, ta l-impenn tiegħu li dan isir.
“Dawn it-tliet studji se jservu l-bażi li fuqhom isiru aktar analiżi u riċerka li twassal biex isiru l-emendi leġiżlattivi neċessarji biex nassiguraw li dan il-fenomenu tal-Parental Alienation jiġi wkoll ikkunsidrat fis-sistema legali ta’ pajjiżna.”
L-istudji taw stampa ċara tas-suġġett u r-realtajiet li dawn il-familji jgħaddu minnhom.
Hawnhekk, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, saħaq li t-tfal qatt m’għandhom jintużaw bħala għodda biex ġenitur iweġġa’ lill-ieħor.
“Irridu nħarsu ’l quddiem lejn edukazzjoni, irridu nħarsu ’l quddiem lejn terapija, irridu nħarsu jekk hemm bżonn lejn interventi legali, l-importanti li dejjem, l-interess tat-tfal jiġi l-ewwel.”