Meta fadal biss ftit sigħat biex, nhar is-Sibt li ġej, jagħlaq iż-żmien biex jintefgħu n-nomini għall-elezzjoni tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qed tkun sors ta’ ġlied ġdid fil-partit.
Skont is-sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali, l-establishment Nazzjonalista jrid li ma’ Bernard Grech fit-tmexxija jkun hemm id-deputat Janice Chetcuti. Chetcuti kienet ġiet imbuttata mill-Kap Bernard Grech innifsu, fil-kampanja għall-aħħar elezzjoni ġenerali.
Oriġinarjament, l-establishment Nazzjonalista ried lil Mark Anthony Sammut, li iżda dan tgerrex wara l-ġlieda bejn id-deputat Joe Giglio u Karol Aquilina u dawk qrib tiegħu, il-ġimgħa li għaddiet.
Sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali qalu li huwa ngħata parir biex għalissa joqgħod pass lura.
Fuq il-Facebook, Sammut iġġustifika l-pass li ħa billi ddikjara li se jibqa’ jiffoka fuq l-irwol tiegħu ta’ membru parlamentari.
Bħalissa l-PN għandu żewġ viċi kapijiet: Robert Arrigo u David Agius, li laħqu fi żmien Adrian Delia wara t-telfa elettorali tal-2017. Madankollu, minn din is-sena l-Partit se jirtira d-deċiżjoni li kien ħa fl-2014 u se jibda jkollu viċi kap wieħed minflok tnejn.
Wara l-akbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana, Robert Arrigo kien qal li m’huwa se jikkontesta għall-ebda rwol ieħor fil-Parit Nazzjonalista.
Min-naħa tiegħu, David Agius qed jagħmel minn kollox biex iżomm postu bħala Viċi Kap Nazzjonalista minkejja li jaf li l-tal-establishment fil-partit ma jriduhx u qed jaħdmu kontrih.
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qalulna li l-establishment mhux se jaħfirhielu talli ma kienx wieħed mid-deputati tal-Blue Heroes u talli kien viċin ħafna tal-eks Kap Nazzjonalista, Adrian Delia, li spiċċa tneħħa mill-istess establishment biex minfloku poġġa lil Bernard Grech.
Agius qed iwieġeb għal dan billi jgħid lin-nies li huwa ħadem ma’ kull Kap Nazzjonalista.
Meta mistoqsi ma’ ONE News, David Agius qal li qed iħalli l-bieb miftuħ u se jagħti l-kummenti tiegħu dwar aktar tard.
Intant, il-Ħamis, mal-gazzetta The Times, id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea qalet li qed tikkunsidra li titfa n-nomina tagħha għal dan l-irwol.
Galea, li hija bint l-eks Ministru Nazzjonalista Ċensu Galea, se tkun it-tieni mara li tikkontesta għal dan l-irwol jew tikkontesta wkoll Janice Chetcuti.
Mat-Times, Graziella Galea rrimarkat li fl-elezzjoni ta’ Marzu li għadda hija kienet l-unika mara li telgħet f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-ewwel rawnd.
Osservaturi politiċi qalu lil ONE News li dan il-kumment juri li Graziella Galea tefgħet botta lejn Janice Chetcuti, il-magħżula tal-establishment Nazzjonalista. Wara l-elezzjoni li għaddiet, hija spiċċat f’nofs kontroversja meta, għalkemm kellha l-faċilità li titla’ fil-Parlament bil-by-election, għażlet li, minflok, tisfrutta l-mekkaniżmu tal-ġeneru.
Attivisti tal-Partit Nazzjonalista huma konvinti li dan sar wara pressjoni mill-Partit biex jiġi evitat li tiġi eletta l-kandidata Emma Portelli Bonnici, li hija meqjusa bħala liberali wisq għall-Partit Nazzjonalista. Barra minn hekk, din il-mossa għenet biex jiġi elett Carm Mifsud Bonnici, li għalkemm mhuwiex eżattament fil-kotba t-tajba tal-establishment, iggwadanja mill-fatt li l-Partit Nazzjonalista ħass li ma jaqbillux jiksirha wkoll ma’ ta’ Mifsud Bonnici.