Wara diversi drabi li fihom għażel li ma jidhirx quddiem il-Qorti fil-kawża ta’ libell li fetħet kontrih il-Membru Parlamentari tal-Gvern Rosianne Cutajar, l-eks Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, illum tfaċċa għas-seduta, quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.
Madankollu, għalkemm kien mistenni li jixhed, huwa għażel li ma jagħmilx dan wara li l-avukati difensuri tiegħu qalu li, qabel ma jixhed, riedu jtellgħu l-evidenza.
Il-Qorti aċċettat talba ta’ Camilleri biex tordna li tiġi esibita imejl dwar prenotazzjoni ta’ vjaġġ barra minn Malta li allegatament kien jinvolvi isem id-deputat Cutajar kif ukoll lis-suspettat ewlieni fil-każ ta’ Caruana Galizia, Yorgen Fenech, kif ukoll korrispondenza oħra.
Għaldaqstant, ordnat lill-investigatur ewlieni fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, is-Supretendent Keith Arnaud, biex ifittex għal din l-imejl fil-bażi tad-dejta tal-każ tal-qtil.
Madanakollu, il-Qorti ma laqgħetx talba oħra ta’ Camilleri biex tordna li jittellgħu ċetts bejn Yorgen Fenech u d-deputat Cutajar li jagħmlu parti mill-evidenza li nġabret fl-investigazzjoni dwar il-qtil.
Il-Qorti qalet lil-Pulizija ma setgħeyt tintalab tixhed dwar evidenza esibita fi proċeduri kriminali, u li biex dan isir ikun hemm bżonn il-permess tal-Qorti Kriminali.
Il-kawża se tkompli tinstema’ f’Settembru.