Waqt id-diskussjoni fit-Tieni Qari dwar il-liġi tal-IVF fil-Parlament illejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, inqabad ma jafx x’fihom il-liġi tal-IVF u l-protokoll propost li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti l-ġimgħa l-oħra.
F’diskors fl-aħħar jum tad-dibattitu dwar din il-liġi, Bernard Grech talab li jsir polar body testing, jiġifieri ttestjar fuq il-bajd.
Dan talbu fi sfond ta’ kritika li saret mill-Oppożizzjoni fuq il-PGTM, ittestjar mhux kapriċċjuż li jsir biss permezz ta’ teknoloġija avvanzata fuq embrijuni ta’ persuni b’każijiet ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi serji.
Quddiem din it-talba ta’ Bernard Grech għal ittestjar ieħor, id-deputat Laburista Randolph De Battista nnota kif il-Kap Nazzjonalista nqabad ma jafx fatti bażiċi marbuta mal-liġi tal-IVF.
Fil-pront qam bilwieqfa Bernard Grech li, biex ma jidhirx li waqa’ għaċ-ċajt, talab li jkun jaf fejn qed jissemma l-polar body testing.
Dlonk wieġeb id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, li kkwota kelma b’kelma mill-protokoll ippubblikat, li diġà jsemmi bl-iswed fuq l-abjad is-servizz ta’ polar body testing.
Bernard Grech iddeċieda li jitkellem fil-Parlament dwar id-dibattitu tal-IVF fl-aħħar jum’ Dibattitu li l-Oppożizzjoni għażlet li ma tipparteċipax daqstant fih billi, apparti l-Kap Nazzjonalista, mill-Oppożizzjoni tkellmu biss żewġ deputati oħra.
Il-Kap Nazzjonalista mhux biss inqabad ma jafx xi jgħid il-protokoll marbut mal-liġi tal-IVF iżda fil-jiem li għaddew, fuq ix-xandir nazzjonali, inqabad iħawwad fuq il-liġi tal-IVF.
F’dak il-każ, huwa qaleb il-fatti ta’ taħt fuq meta qal li l-Oppożizzjoni vvutat favur l-emendi fil-liġi tal-IVF fl-2018 meta, fil-fatt, ivvutat kontra.
Aqra hawn: https://parlament.mt/media/117546/00246.pdf