Permezz ta’ kolloborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Università ta’ Sheffield, fir-Renju Unit, gie ffirmat ftehim sabiex studenti u professjonisti mill-qasam tas-Saħħa, bħal tobba, infermieri, fiżjoterapisti, u podjatristi, fost l-oħrajn, jingħataw l-opportunità biex japplikaw għal fondi biex ikunu jistgħu jagħmlu riċerka ta’ eċċellenza.
Bir-riċerki li jagħmlu, dawn il-professjonisti jtejbu l-livell edukattiv tagħhom u jsiru wkoll aktar kompettitivi fid-dinja tax-xogħol.
Tkellimna mal-firmatarju f’isem l-Università ta’ Sheffield, Dr Miguel Debono, li qal li din il-kolloborazzjoni hija waħda importanti ħafna għar-riċerka fil-qasam tas-Saħħa, speċjalment fid-dijabete. Irrimarka li dan is-settur ma jistaġna qatt.
‘Mas-snin dejjem nibqgħu niskopru skoperti ġodda, testijiet ġodda, mediċini ġodda, u jkun żball li niddeċiedu li lħaqna l-quċċata. Il-quċċata qatt ma tilħaqha fil-qasam tas-Saħħa u għalhekk għandna nibqgħu nibbażaw u niffukaw fuq ir-riċerka biex nippruvaw dejjem niskopru affarijiet li jistgħu jkunu ta’ ġid għall-pazjent, imma mhux għall-pazjent biss imma wkoll għall-pajjiż.’
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, iż-Żgħażagħ, u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, tkellem dwar kemm hu importanti għall-Gvern li jinvesti fil-qasam tar-riċerka.
‘L-iffirmar tal-lum huwa xhieda tal-importanza li jagħti l-Gvern lil dan il-qasam tar-riċerka fejn diversi professjonisti mill-kamp mediku jkunu jistgħu jibbenifikaw, immorru jagħmlu esperjenza fir-Renju Unit, imbagħad mill-esperjenza li jiksbu hemmhekk jiġu hawnhekk u dan se jkun ta’ benefiċċju għall-pazjenti Maltin u Għawdxin.’
Il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, qal li dan il-ftehim huwa wieħed storiku li permezz tiegħu se titjieb is-saħħa tal-pazjenti. Huwa qal li f’pajjiż fejn hawn madwar erbgħin elf pazjent li jieħdu l-kura għad-dijabete huwa għaqli ferm li jsiru investimenti bħal dawn.
‘Pass li permezz tiegħu se noffru aktar opportunitajiet sabiex f’pajjiżna s-settur professjonistiku fil-qasam kliniku u mediku, li tant huwa ta’ livell għoli, inkomplu nagħtuh aktar għodda, aktar opportunitajiet, sabiex dak il-livell ikompli jitjieb u sabiex, fuq kollox, inkunu nistgħu naħdmu id f’id ma’ istituzzjoni oħra edukattivi ta’ prestiġju madwar id-dinja, nagħtu aktar għodda lill-istes professjonisti biex nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies.’