L-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu tal-Ħamrun se tiċċelebra l-116-il Anniversarju bi programm mużikali fis-sede tal-istess Għaqda, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju 2022, fis-7.30pm. Dan il-Programm Mużikali bl-isem ta’ ‘Noti mill-Pellikola’ se jkun qed jeħodna fid-dinja ċinematografika u l-mużika abbinata magħha.
Se jkunu qed jindaqqu bċejjeċ mużikali minn films bħal The Da Vinci Code, Mission Impossible, Jurassic Park, Schindler’s List, King Arthur, Conquest of Paradise, Hook u The Greatest Showman fost oħrajn. L-iskor mużikali ta’ dawn il-films huma ta’ ġenji mużikali bħal John Williams, Greg Vangelis, u Hans Zimmer fost numru ta’ kompużituri ta’ fama oħra.
Il-Banda San Gejtanu se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha, Mro. Jonathan Borg FLCM. Se tieħu sehem ukoll il-kantanta Cherise Spiteri. Waqt dan il-programm se jiġi imfakkar Anniversajru ieħor importanti dak tat-twaqqif tal-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin 35 sena ilu billi fost l-oħrajn se jindaqq l-Innu tal-istess Kummissjoni, li ndaqq għal ewwel darba fl-2007, kompożizzjoni ta’ Mro Ray Sciberras u versi tal-eks-President, Anselm Sciberras.
Id-dħul għal dan il-programm huwa b’xejn u din l-attività mużikali qed titella’ grazzi għall- Kunsill Malti għall-Arti.