L-Erbgħa filgħodu l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia, saritlu żjara ta’ kortesija mid-Deputat Speaker tal-Parlament Ukren, Oleksandr Korniyenko.
L-Ispeaker esprima s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Ukren, u għamel referenza wkoll għal kif Malta qed tassisti b’għajnuna umanitarja u medika lill-Ukrajna. Semma wkoll l-interventi li għamel fil-livell internazzjonali sabiex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Speaker tal-Parlament Ukren wera l-apprezzament tiegħu lejn Malta u għamel aċċenn għall-aspirazzjonijiet tal-Ukrajna biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Fil-laqgħa bejn iż-żewġ delegazzjonijiet fost l-oħrajn ġie diskuss kif il-Parlament Malti u dak Ukren jistgħu jsaħħu l-koperazzjoni bejniethom. Is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet li l-Unjoni Ewropea imponiet fuq ir-Russja wkoll kien parti mit-taħditiet.