Xeni mill-isbaħ ta’ pajjiżna sebbħu xejn inqas minn tletin minuta tal-film blockbuster ‘’Jurassic World Dominion, li beda jintwera fis-swali taċ-ċinema madwar id-dinja fl-aħħar jiem.
Siti popolari dwar il-films diġà poġġewh bħala l-iktar film popolari li qed jintwera bħalissa fiċ-ċinema.
Ix-xeni pittoreski tal-kapitali Maltija, fosthom dawk fin-naħa t’isfel tal-Belt u ta’ Pjazza San Ġorġ, qed jiġu esposti ma’ miljuni ta’ nies li qed imorru ċ-ċinema biex jaraw dak li qed jitqies bħala l-aħħar film mis-sensiela ta’ Jurassic.
F’intervista ma’ ONE News, il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, spjega li l-ħidma tal-Kummissjoni tal-Films biex tinġieb f’Malta produzzjoni bħal din kienet ilha għaddejja minn April tal-elfejn u dsatax.
“Malta, għall-ewwel darba fl-istorja tal-films f’pajjiżna, tissemma fi blockbuster. Illum, id-dinja kollha qed tarana u Malta qiegħda on the big screen. Huwa reklam enormi għal pajjiżna” qal Grech.
Din il-produzzjoni fissret mijiet ta’ impjiegi għall-Maltin u injezzjoni diretta ta’ madwar sbatax-il miljun ewro fl-ekonomija Maltija.
Issa li x-xogħol fuq il-film lest u beda jintwera fis-swali taċ-ċinema, qed jattira wkoll turisti lejn Malta bix-xeni sbieħ li qed jintwerew.
Dan kompla jirrijafferma x-xogħol li għaddej fuq it-tfassil ta’ strateġija partikolari fuq l-iscreen tourism.
Johann Grech spjega li “fil-film Jurassic World, Malta tidher tletin minuta u kritiċi taċ-ċinema qed jgħidu li l-aħjar xeni waqt dan il-film huma ta’ Malta.”
Il-premiere tal-film f’Malta sar il-Ħamis li għadda.
F’servizz li ntwera b’intervisti ma’ nies li ħadmu f’din il-produzzjoni, ġie spjegat li dan il-film wera kemm is-settur tal-films f’Malta huwa reżiljenti għax ix-xogħol baqa’ għaddej anki fl-eqqel ta’ pandemija.
Qal li “jiena tkellimt ma’ nies wara l-premier tal-iscreening u kulħadd kelma waħda; kemm aħna kburin li Malta qiegħda on the big screen.”
B’sens ta’ kburija, il-Kummissarju tal-Films qalilna li l-futur għall-industrija tal-films f’Malta, huwa sabiħ.
“Jurassic World ksibnih u qed naraw is-suċċessi. Issa rridu niksbu aktar u ninsab konvint, mill-prospetti li għandna, għaliex huma sbieħ għaż-żmien li ġej” temm jgħid Grech.