Wara li Malta ġabet vot b’saħħtu fl-Assemblea Ġenerali tam-Nazzjonijiet Magħquda biex ikollha siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurta għas-sentejn li ġejjin, bosta kienu l-analisti li laqgħu din l-aħbar pożittiva għal pajjiżna.
ONE News tkellem mal-Professur Godfrey Pirotta, li huwa ċ-Chairperson tal-Akkademja Mediterranja tal-Istudji fid-Diplomazija, il-MEDAC. Huwa qal li, permezz ta’ dan is-siġġu, Malta qed tkabbar il-kuntatti internazzjonali tagħha. Il-Professur Pirotta qal ukoll li dan l-iżvilupp juri wkoll li l-prinċipju tan-newtralità għandu importanti.
Qal, “Barra Malta, daħlu wkoll fil-Kunsill l-Iżvizzera, li hija wkoll pajjiż newtrali u, barra minn hekk Malta qed tieħu post l-Irlanda, li wkoll pajjiż newtrali. Mela l-Ġnus Magħquda, il-membri qed jgħidu li għandhom rispett kbir lejn ir-rwol li jistgħu jilagħbu pajjiżi newtrali fil-politika internazzjonali, speċjalment f’post daqshekk importanti bħall-Kunsill tas-Sigurtà.”
Tkellimna wkoll mal-lettur tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fl-Universita ta’ Malta, Dr Valentina Cassar. Hija saħqet li, kemm ilha membru tan-Nazzjonijiet Magħquda, Malta ressqet diversi pożizzjonijiet internazzjonali, fosthom dwar it-tibdil fil-klima.
Qalet, “Dejjem ħadmet biex tirrappreżenta l-interessi ta’ pajjiżi żgħar u dejjem sostniet illi l-interessi ta’ pajjiżi żgħar u l-politika ta’ pajjiżi żgħar u l-perspettivi ta’ pajjiżi żgħar lejn l-issues ta’ sigurtà internazzjonali huma perspettiva li tirrappreżenta l-interessi ta’ kull Stat membru tal-Ġnus Magħquda.”
Tkellimna wkoll mal-Avukat Frank Psaila, avukat li jispeċjalizza fir-relazzjonijiet internazzjonali. Huwa qal li, permezz ta’ dan is-siġġu prestiġġjuż, Malta se tkun tista’ tmexxi ’l quddiem il-messaġġ tagħha favur il-paċi u s-sigurta fil-Mediterran – pożizzjoni li ilha timbotta snin twal.
Qal, “Sa mill-applikazzjoni ta’ Malta fl-2010 biex nibdew il-kampanja tagħna għal dan is-siġġu, Malta baqgħet tagħmel kampanja, baqgħet tikseb ċerta kredibilità, biex illum il-ġurnata se nkunu bilqegħda madwar medja illi magħha jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw bil-kbir il-mod ta’ kif ngħixu, b’mod globali.”
Dr Frank Psaila osserva li Malta se jkollha dan is-siġġu fi żminijiet importanti ħafna.
Qal, “Importanti daqstant ieħor huwa li, ejja nippruvaw – u anki jista’ jkollha rwol importanti, għax l-irwol ta’ Malta dejjem hekk kien, ta’ pajjiżna – ejja nippruvaw insibu żblokk għal din is-sitwazzjoni u ejjew nippruvaw nevitaw sitwazzjonijiet simili milli jirrepetu f’pajjiżi oħra madwar id-dinja.”
It-tliet analisti li tkellmu ma’ ONE News saħqu li dan il-vot b’saħħtu, ta’ aktar minn sebgħa u disgħin fil-mija, favur Malta juri kemm pajjiżna huwa rrispettat u kemm għandu kredibilita b’saħħitha f’fora internazzjonali.