Il-kumpanija tal-kannabis mediċinali lokali ‘Materia Malta’ esportat l-ewwel prodotti tagħha barra minn Malta, lejn il-Ġermanja.
Din il-kumpanija lokali hija sussidjarja tal-kumpanija Ġermaniża ‘Materia’, li hija waħda mill-akbar produtturi tal-kannabis mediċinali fl-Ewropa.
Din il-kumpanija bbażata f’pajjiżna hija waħda mill-operaturi tal-kannabis mediċinali li fetħu fl-aħħar snin wara li pajjiżna ħoloq qafas regolatorju f’dan is-settur għal skop ta’ riċerka fl-elfejn u tmintax.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, spjega li sabiex kumpanija f’dan il-qasam tiftaħ hawn Malta hemm proċess riġoruż sabiex jiġi lliċenzjat mill-Awtoritá Maltija għall-Mediċini, wara l-approvazzjoni mill-Malta Enterprise.
Qal, “Allura l-fatt illi kumpanija għaddiet minn dan il-proċess kollu – u nagħmlu checks rigorużi ħafna – u llum il-ġurnata mhux biss għandha l-liċenzja, mhux biss qed tipproduċi, imma qed tesporta għal pajjiż ieħor, huwa proprju l-għan għalfejn il-liġi kienet saret b’dak il-mod, sabiex pajjiżna jieħu iktar valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-esportazzjoni ta’ prodotti.”
Id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Materia, Nick Pateras, qal li l-kumpanija temmen li Malta se jkollha rwol kruċjali f’dan is-settur. Żied jgħid li huwa kburi li l-kumpanija qed tiftaħ orizzonti ġodda permezz ta’ din l-esportazzjoni minn pajjiżna.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise qal ukoll li t-teknoloġija li qed tidħol f’pajjiżna permezz ta’ mediċina avvanzata ħafna, mhux biss f’dan il-qasam, qed toħloq niċċa ekonomika b’saħħitha.
Qal, “Qed naraw illi anki fil-qasam tal-farmaċewtika stess qed noħolqu niċeċ ġodda. Allura permezz tat-teknoloġija, permezz tal-persuni li jaħdmu ġewwa Malta u permezz tal-impjiegi li qed jinħolqu, ta’ kwalità tajba ħafna, li allura qed jiġu impjegati persuni li ħerġin mill-qasam tax-xjenza, mill-Università ta’ Malta jew mill-MCAST, persuni fl-inġinerija, persuni fil-qasam tal-farmaċewtika. Dawn qed joħolqu saħħa kbira fl-ekonomija ta’ pajjiżna.”
Huwa rrimarka li l-futur tal-industrija f’pajjiżna huwa b’saħħtu, u li aktar kumpaniji tal-kannabis mediċinali mistennija jingħataw il-liċenzji sabiex jiftħu f’pajjiżna.