L-aġenzija Infrastructure Malta, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu, għaddejja bi proġett sabiex tibni mill-ġdid u ssebbaħ il-Pjazza tar-Rebħa, il-pjazza ewlenija tal-Birgu, flimkien mat-toroq storiċi li jwasslu għaliha, fosthom Triq La Vallette, Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq il-Miratur, u Triq San Filippu.
Din l-informazzjoni ħarġet fil-Parlament fi tweġibiet ta’ tliet ministri għal interpellanzi parlamentari tad-deputat Chris Agius.
Fil-parlament, il-Ministru Aaron Farrugia qal li wħud minn dawn it-toroq diġà huma lesti filwaqt li x-xogħol fuq it-toroq l-oħra se jibda dalwaqt.
Ix-xogħol f’dawn it-toroq qed jiġi kkoordinat f’konsultazzjoni kontinwa mal-Kunsill Lokali tal-Birgu, li għen fl-ipprogrammar tax-xogħol sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għar-residenti u għal dawk li jżuru din il-belt.
Il-Ministru Farrugia qal li, meta tlesti dawn l-erba’ toroq, l-Infrastructure Malta mbagħad se tibni mill-ġdid il-Pjazza nnifisha, b’servizzi tad-distribuzzjoni bħal katusi tal-ilma ġodda taħt l-art u pedamenti aktar b’saħħithom sabiex fuqhom il-Ministeru għat-Turiżmu jqiegħed pavimentar dekorattiv ġdid.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-Parks Malta bdiet it-tħejjijiet sabiex jiġi rriġenerat Ġnien il-Kottonera. Wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla, kien hemm qbil li f’din iż-żona jkun hemm spazju rikreattiv b’faċilitajiet sportivi differenti.
Is-sit se jiddawwar bi lqugħ għal sigurtà ikbar u, filwaqt li f’parti minnu se tiġi żviluppata żona għall-pikniks, il-parti l-oħra se tkun mgħammra b’diversi faċilitajiet għall-eżerċizzju fiżiku. Fid-disinn ġiet inkluża wkoll trakka tar-roti. Il-Ministru Dalli qalet li dawn l-iżviluppi se jsiru b’attenzjoni sabiex jinżamm l-istat naturali tal-ġnien u titħares ukoll il-biodiversità eżistenti.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici ta dettalji dwar sensiela ta’ xogħlijiet ta’ restawr li se jsiru fi nħawi differenti tal-Kottonera fix-xhur li ġejjin. Se jsir xogħol ta’ restawr fuq partijiet kbar mis-swar li jdawru Bormla, l-Isla, u l-Birgu, filwaqt li hemm ippjanat restawr fuq knejjes u kappelli f’Bormla, fuq statwi u niċeċ fl-Isla, u anki fuq il-Forti Rikażli fil-Kalkara.