Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-Federazzjoni Maltija Lotta ħadet sehem fis-27 edizzjoni tal-‘UWW International Tournament Citta’ di Sassari ġewwa Sardegna. Minbarra Malta ħadu sehem pajjiżi bħal Canada, Great Britain, Israel, Switzerland, Sweden u Italja.
It-tim Malti kien magħmul minn Gary Giordimaina 57kg, Adam Vella 61kg, Nico Zarb u Nathaniel Buttiġieġ D’Ugo 74kg. Jesmond Giordimaina kien il-coach u Abraham Vassallo bħala Referee Internazzjonali.
Gary Giordimaina reġa irnexxielu jikseb riżultat prestiġjuż meta irnexxielu jikseb midalja tal-Fidda u kompla bil-mixja pożittiva tiegħu hekk kif irnexxielu jikseb midalja f’kull tournament internazzjonali li ħa sehem fih din is-sena. Gary irnexxielu jegħleb lil Morteza Madadi ta’ Sweden b’superjorita’ u wara għeleb lil Harvey Ridings tal-Gran Brittanja, lottatur li ser jirrapreżenta lil pajjiżu fil-Commonwealth Games. Fil-finali Gary tilef ma Thomas Epp ta’ Switzerland biex b’hekk rebaħ il-midalja tal-Fidda.
Adam Vella beda b’rebħa fuq Yahia Tehami tal-Gran Brittanja fl-ewwel round b’superjorita’. Imbagħad tilef kontra it-Taljan Alessandro Cimiero u l-Isvizzeru Nils Leutert biex spiċċa fir-raba post. Ta’min jgħid li dan jawgura tajjeb bħala kwalifikazzjoni ta’ Adam Vella għal Logħob tal-Commonwealth wara li Gary kien diġa ikkwalifika qabel matul is-sena.
Nico Zarb u Nathaniel Buttiġieġ D’ugo it-tnejn ħadu sehem fis-74kg. L-ahjar li mar kien Nico li wara bidu tajjeb kontra Curtis Dodge tal-Gran Brittanja fejn kien qed jirbaħ, b’deċiżżjoni diskutibli spiċċa tilef dan il-kumbattiment. Nathaniel ukoll kellu prestazzjoni tajba avolja ma rebaħ l-ebda kumbattiment.
Jakkumpanja li-tim kien hemm ir-referee Internazzjonali Abraham Vassallo fejn ikkontrolla ħafna kumbattimenti u anke diversi Finali. Huwa kellu l-okkazzjoni wkoll jikkontrolla kumbattimenti f’tournament tal-Beach Wrestling li sar l-għada tal-Kompetizzjoni tal-Freestyle. Vassallo qed jipprepara biex ix-xahar li ġej waqt li-parteċipazzjoni tat-team malti fil-Gran Prix ta’Spanja u jghamel l-eżami biex jitla’ grad bħala referee internazzjonali.