Tenishia Thornton kitbet l-istorja sportiva maltija hekk kif matul il-lejl li għadda saret iċ-champion tad-dinja taż-żagħzagh tal-kategorija 55 kg.
Hija għamlet dan waqt il-kampjonati tad-dinja taż-żagħżagħ fil-Messiku. Thornton irnexxiela tirbaħ tliet midalji tad-deheb: fl-iSnatch, fil-Clean & Jerk u Overall.
Fl-isnatch Thornton għelbet l-isfida tal-weightlifter favorita messikana Maria Hernandez. Il-maltija refgħet 75kg, iżda falliet l-ewwel tentattiv għas-76kg. Hija malajr irkuprat u għamlet is-76kg fit-tieni tentattiv.
Noura Essam Mohamed tal-Egittu ukoll refgħet 76kg biex il-battalja bejn it-tliet lifters kompliet. Hernandez tilfet iż-żewġ tentattivi ghas-77kg u kellha tikkuntenta bil-bronż.
Min-naħa tagħha Thornton refgħet 78kg biex ħadet id-deheb, quddiem Mohammed.
Fil-Clean & Jerk il-maltija kienet fi klassi għaliha meta kellha refa’ ta’ 100kg biex waqfet rekord ġdid tal-Commonwealth u anke nazzjonali.
Fit-tieni post spiċċat Noura Essam Mohamed b’95kg segwita minn Maria Hernandez bi 93kg.
Fi tmiem il-kompetizzjoni, Thonton spiċċat l-ewwel b’total ta’ 178kg segwita fit-tieni minn Noura Essam Mohammed 171 filwaqt li l-messikana Maria Hernandez spiċċat it-tielet b’168.