Red Bull iddominaw il-Grand Prix tal-Azerbaijan li sar il-Ħadd wara nofs-in nhar f’Baku. Max Verstappen daħall-ewwel segwit minn sieħbu tal-istess team Sergio Perez.
Diżappunt ieħor għall-Ferrari. Charles Leclerc, li kien beda mill-pole position, kellu jirtira fl-għoxrin dawra minħabba problemi li żviluppawlu fil-magna.
Is-sewwieq l-ieħor tal-istess team Carlos Sainz irtira fid-disa’ dawra minħabba problemi fil-brakes tal-karozza.
Iż-żewġ sewwieqa ta’ Mercedes George Russell u Lewis Hamilton daħlu rispettivament fit-tielet u r-raba’ post.
Segwew fl-ordni Pierre Gasly (AlphaTauri), Sebastian Vettel (Aston Martin), Fernando Alonso (Alpine), Daniel Ricciardo (McLaren), Lando Norris (McLaren) u Esteban Ocon (Alpine).
Filwaqt li ż-żewġ sewwieqa ta’ Red Bull saħħew posthom fl-ewwel żewġ postijiet tal-klassifika, il-Ferrari qed jaraw staġun jikkrolla ftit ftit wara li kienu bdewh b’mod brillanti. B’mod specjali Charles Leclerc li issa jinsab 39 punt taħt ilpleader Max Verstappen u dan minkejja li dan l-istaġun kiseb sitt pole positions minn tmien GPs.
Fil-klassifika Max Verstappen għandu total ta’ 150punt, segwit minn sieħbu tal-istess team Sergio Perez b’129 punt. Charles Leclerc jinsab fit-tielet post b’116 -il punt.