Janet Richard, Claire Azzopardi u l-kwartett tar-relay tan-nisa kisbu t-tliet midalji tad-deheb għal Malta fil-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Atletika li saru f’pajjiżna llum wara nofsinhar.
Kienet wirja qalbiena għat-Tim Malti li kien rappreżentat b’taħlita żagħugħa u ta’ esperjenza li kollha kkontribwew bi prestazzjonijiet b’saħħithom li fissru biex Malta temmet fit-tieni post fil-klassifika ġenerali b’total ta’ 110 punti. Ċipru kiseb l-akbar ammont ta’ punti – 117. Il-Moldova temmet it-tielet b’99 punt.
L-ewwel midalja tad-deheb waslet minn Janet Richard fl-400m. L-isprinter żagħżugħa Maltija rebħet b’ħin ta’ 55.12s fejn għelbet l-isfida tal-Armena Gayane Chiloyan (55.64) minkejja li din tal-aħħar wettqet l-aqwa ħin staġjonali tagħha. Anna Berghii tal-Moldova spiċċat it-tielet.
F’reazzjoni immedjata fi tmiem it-tellieqa Richard qalet: “Ninsab kuntenta ferm, l-atmosfera hawnhekk hija waħda mill-isbaħ u li tiġri f’pajjiżek hija esperjenza mill-aqwa. Illum ma kontx qed niġri għall-ħin iżda kont iffukata biex inkun fil-pożizzjonijiet tal-midalji, u li nirbaħ id-deheb huwa sentiment inkredibbli”. Richard qalet li “bdejt it-tellieqa b’saħħti iżda fid-dawra finali r-riħ kien ta’ sfida kbira, iżda rnexxili nżomm sal-aħħar. Issa l-għan tiegħi hu li nkompli nibni fuq dan il-ħin u anke ntejjeb l-aqwa ħin personali tiegħi”. Fl-400metru wkoll Martha Spiteri rebħet il-heat tagħha f’ħin ta’ 58.29 li wkoll fisser personal best għaliha. Fost l-irġiel, Matthew Galea Soler spiċċa s-seba’ post b’ħin ta’ 49.33s.
L-aħħar midalja tad-deheb waslet proprju fl-aħħar tellieqa tal-ġurnata fir-relay meta Claire Azzopardi, Carla Scicluna, Charlotte Wingfield u Richard irreġistraw prestazzjoni mill-aqwa biex daħlu l-ewwel f’ħin ta’ 2.10.37 quddiem il-Moldova u l-Iżlanda fost l-entużjażmu tal-pubbliku preżenti. Relay eċċellenti anke għall-irġiel meta Steve Camilleri, Beppe Grillo, Matthew Galea Soler u Ben Micallef rebħu l-fidda b’ħin ta’ 1.55.84 wara l-Moldova.
L-ewwel midalja tal-ġurnata għall-Malta ntrebħet minn Daniel Saliba li daħal it-tieni fil-110m hurdles f’ħin ta’ 14.69s li huwa preċiż daqs ir-rekord nazzjonali tiegħu stess minkejja li llum inkiseb f’kundizzjonijiet ta’ riħ. It-telliqea ntrebħet miċ-Ċiprijott Elvis Elli Krykov. Saliba ddeskriva l-prestazzjoni tiegħu bħala “riżultat mill-aqwa”. Huwa żied jgħid li “għadna fl-ewwel xhur tal-istaġun iżda li nikseb l-aqwa ġin personali tiegħi daqstant kmieni huwa tajjeb ħafna bi tħejjija għat-tlielaq tas-sajf, speċjalment il-Logħob tal-Mediterran f’Oran. L-100 metru tal-irġiel kienet tellieqa mill-aktar emozzjonanti b’Kolbeinn Hodur Gunnarsson tal-Iżlanda jirbaħ id-deheb b’ħin ta’ 10.59s, li huwa rekord għal dawn il-kampjonati. Il-Malti Beppe Grillo daħal fit-tieni post b’10.65s quddiem Iżlandiż ieħor Dagur Andri Einarsson.
Grillo wkoll esprima s-sodisfazzjon tiegħu: “Ninsab ferm kuntent bil-prestazzjoni tiegħi għaliex il-ħin miksub kien dak li qed nistennew jien u l-kowċ tiegħi. Li nagħmel dal-ħin f’dawn il-Kampjonati huwa xi ħaġa speċjali għalija”. Fil-100m tan-nisa, l-atleta Olimpika Maltija Carla Scicluna rreġistrat l-aqwa ħin personali ta’ 11.85.
Midalja oħra għal Malta ntrebħet fil-pole vault meta Peppijna Dalli qabżet 3.60m u temmet it-tielet minkejja li kellha tibdel il-pole tagħha propju qabel bdiet il-kompetizzjoni. Angelina Zhuk-Krasnova rebħet id-deheb b’qabża ta’ 3.80 metri. “Meta tqis il-kwalità tal-atleti li kien hawn illum ninsab ferm kuntenta bil-prestazzjoni tiegħi llum” sostniet Dalli.
Fl-itwal tellieqa tal-ġurnata, dik tal-5,000 metru, aktar sodisfazzjon għal pajjiżna meta kemm Dillon Cassar kif ukoll Roberta Schembri rebħu l-bronż. Cassar kiseb l-aħjar ħin dan l-istaġun fuq din id-distanza fit-trakka b’ħin ta’ 14.45.13. Cassar esprima ruħu sodisfatt b’dan il-ħin b’konsiderazzjoni li bħalissa qed jitħarreġ għal distanza kompletament differenti, in-nofs maratona, għal-Logħob tal-Mediterran. “Kelli sfida kbira fejn il-maġġoranza tal-atleti huma aħjar minni fit-trakka iżda bqajt niġġieled u ninsab ferm kuntent li rbaħt midalja f’dawn il-Kampjonati”. Roberta Schembri temmet il-5000 metru tagħha f’ħin ta’ 17:23.66.
CSSE 2022 u t-Tim Malti huma appoġjati mill-Kumitat Olimpiku Malti, SportMalta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Eurosport, Medcomms Ltd, Big Mat, Salini Resort u Corporate ID Group.