L-atleta maltija Janet Richard rebħet il-midalja tad-deheb fl-400 metru waqt il-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li qed isiru fil-Marsa.
Fil-finali, Richard daħlet l-ewwel f’ħin ta’ 55.12 sekondi. Hija kienet segwita minn Gayane Chiloyan tal-Armenja u Anna Berghii tal-Moldova. Richard kienet kuntenta ferm bil-prestazzjoni tagħha u qalet li filwaqt li huwa unur li tirbaħ id-deheb f’avveniment intrenazzjonali hekk importanti, huwa unur ikbar li għamlet dan f’pajjiżna.
Midalja oħra għal Malta waslet fil-finali tal-200 metru hekk kif Charlotte Wingfield rebħet il-bronż. Wingfield ġriet f’ħin ta’ 24.41sekonda. Fl-ewwel post spiċċat Olivia Fotopoulos ta’ Ċipru filwaqt li Tiana Osk Whitworth tal-Islanda spiċċat fit-tieni post.
Aktar kmieni fil-ġurnata malta rebħet tliet midalji oħra. Dawn il-midalji waslu minn Beppe Grillo (100m) u Daniel Saliba (110m hurdles) li rebħu l-fidda, u Peppijna Dalli li ħadet il-bronż fil-pole vault.
Il-Kampjonati Ewropej tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Atletikai qed isiru fil-Matthew Micallef St John Track il-Marsa u jintemmu fit-8pm.