Skont tbassir tal-Bank Ċentrali għat-tliet snin li ġejjin, din is-sena l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’5.4 fil-mija.
Mit-tbassir tal-Bank Ċentrali ħareġ ukoll li, is-sena d-dieħla, l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’4.9 fil-mija u fl-2024, mistennija tikber bi 3.8 fil-mija.
Il-Bank Ċentrali ikkummenta li dan it-tbassir tat-tkabbir ekonomiku għat-teliet snin li ġejjin jirrifletti wkoll l-isfidi internazzjonali ta’ bħalissa, partikolarment minħabba l-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa.
Il-Bank Ċentrali qal li t-tkabbir fl-impjiegi matul din is-sena, mistenna jilħaq it-2.9 fil-mija. Dan it-tkabbir se jkun akbar sew meta mqabbel mas-sena li għaddiet, meta r-rata tat-tkabbir kienet 1.6 fil-mija.
Il-Bank Ċentrali qal ukoll li f’dawn it-tliet snin li ġejjin se jkun hemm tkabbir fir-rata ta’ impjiegi.
Barra minn hekk, l-esportazzjoni netta mistennija tkun l-istimolu ewlieni tat-tkabbir matul din is-sena.
Intqal ukoll li l-ekonomija mistennija tikber peress li s-settur tat-turiżmu reġa’ qabad mill-ġdid u minħabba t-tkabbir fid-domanda minn barra.
Il-Bank Ċentrali qal ukoll li r-rata tal-inflazzjoni għal din is-sena se tkun ta’ madwar 5 fil-mija. Din iż-żieda qed tiġi esperjenzata madwar id-dinja minħabba l-kriżi internazzjonali ta’ bħalissa.
Ir-rapport tal-bank Ċentrali jgħid kif iż-żieda ta’ din is-sena, se tonqos is-sena d-dieħla u ta’ wara.
F’dan it-tbassir ġie nnutat ukoll kif il-proporzjon tad-defiċit tal-Gvern fil-Prodott Domestiku Gross se jonqos minn sena għall-oħra.
Dan hekk kif minn 8 fil-mija is-sena li għaddiet, mistenni jonqos għal 3.2 fil-mija fl-elfejn erbgħa u għoxrin.