Il-kanzunetta popolari ‘X’Jimpurtani?’ ta’ Philip Vella ngħatat fasla ġdida mill-grupp MARA. Din il-verżjoni ġdida nstemgħet għall-ewwel darba fil-pubbliku ftit ilu, fuq One Radio, waqt il-programm ‘The Friday Afternoon Show’ ta’ Albert Zammit.
Xahrejn ilu, waqt is-serata tal-klassiċi tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika, il-Festival tal-Kanzunetta Maltija, wieħed mid-dwetti li kien fuq fomm kulħadd kien proprju dak ta’ ‘X’Jimpurtani?’, bejn Philip Vella u l-grupp MARA. Dik ir-rappreżentazzjoni tant niżlet tajjeb mal-pubbliku li l-midja tal-kuntatti soċjali kienu miżgħuda kummenti pożittivi u suġġerimenti biex, wara l-festival, il-grupp MARA joħroġ il-verżjoni tiegħu ta’ din il-kanzunetta tal-widna u bi kliem impenjattiv. Dik kienet ukoll l-ewwel darba li wera wiċċu lill-pubbliku l-grupp MARA, li hu magħmul minn Alexia Farrugia, Annabelle Vella, Rachel Lowell, Maria Spiteri, u Ruth Portelli.
Il-kanzunetta ‘X’Jimpurtani?’ bi kliem ta’ Mario Fenech-Caruana, u mużika u vuċi ta’ Philip Vella, kien oriġinarjament ħariġha l-YTC bħala parti mill-album tal-20 edizzjoni tal-Festival ‘L-Għanja tal-Poplu’ fl-1995.
“Għaddew 27 sena minn mindu ħarġet din id-diska, u għadha waħda mill-aktar kanzunetti li jitolbuni, anke l-barranin,” ikkummenta l-kantawtur Philip Vella, li huwa wkoll il-moħħ wara l-kunċett tal-grupp MARA.
Dwar is-serata tal-klassiċi waqt Mużika Mużika, Philip Vella stqarr kemm baqa’ imppressjonat bir-rispons tal-pubbliku: “Kont naf li l-kanzunetta kienet se tinsel għasel man-nies, iżda nemmen li kienet din l-interpretazzjoni li verament ħalliet impatt.”
Fil-jiem ta’ wara t-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika, il-grupp MARA reġa’ lura fl-istudjow biex jaħdem fuq materjal oriġinali u kien hemmhekk li l-idea li tingħata libsa ġdida lil ‘X’Jimpurtani?’ ħadet il-ħajja. Fil-ġimgħat li għaddew ġie ppjanat ir-rilaxx tal-kanzunetta: mid-disinn tal-qoxra għall-iskeda tal-programmi fuq ir-radju u t-televiżjoni li l-grupp se jkun qiegħed jżur biex ivara l-kanzunetta.
Kien proprju l-preżentatur ta’ One Radio Albert Zammit l-ewwel li daqq din il-kanzunetta fuq il-frekwenzi radjufoniċi Maltin. Miegħu fl-istidjow kien hemm tnejn mill-kantanti tal-grupp MARA: Annabelle Vella u Rachel Lowell, li qasmu mas-semmiegħa informazzjoni u emozzjonijiet dwar il-formazzjoni tal-grupp, l-ewwel passi tiegħu, u l-pjanijiet għal-futur, fosthom il-parteċipazzjoni fl-edizzjoni li jmiss tal-Festival L-Għanja tal-Poplu.
Mil-lum, l-10 ta’ Ġunju 2022, ‘X’Jimpurtani?’, interpretata mill-grupp MARA, hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali.