Fl-Amerika għaddejja inkjesta mill-Kungress Amerikan fejn intqal li l-eks President Amerikan, Donald Trump ippjana attentat ta’ kolp ta’ stat, u li x-xeni li rat id-dinja fis-sitta ta’ Jannar tal-elfejn wieħed u għoxrin, seħħew minħabba l-azzjonijiet tal-istess Trump.
Dan meta eluf ta’ Amerikani li appoġġjaw lil Trump daħlu fil-bini tal-Kungress u waqqfu lil Joe Biden milli jiġi ċċertifikat bħala r-rebbieħ tal-elezzjoni Amerikana tal-2020.
F’Washington wara sena ta’ investigazzjoni, intwerew filmati marbuta ma’ dan l-avveniment, u ntqal kif it-tifla ta’ Donald Trump, Ivanka Trump riedet tbiegħet lilha nnifisha mill-allegazzjonijiet ta’ missierha, li l-elezzjoni ġiet misruqa.
Hawn ġie nnutat ukoll li l-vjolenza li seħħet fis-sitta ta’ Jannar fl-2021 ma kinitx żball, iżda kienet l-aħħar attentat minn Trump biex jibqa’ fil-poter.
Qabel bdiet tinstema’ din l-inkejsta fil-Kungress, Trump qal li l-inkesta hija falza, u sal-lum il-ġurnata għadu jsostni li l-aħħar elezzjoni Amerikana ġiet misruqa filwaqt li qiegħed jindika li se jerġa’ jitfa’ ismu għall-kampanja elettorali li jmiss fl-elfejn erbgħa u għoxrin.